4,331 hu n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku reġistrati fit-tieni kwart ta’ din is-sena jiġifieri bejn April u Ġunju. Dan ifisser żieda ta’ 5.9% fl-ammont ta’ inċidenti reġistrati fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet jiġifieri fit-tieni kwart tal-2015.
Iċ-ċentru ta’ pajjiżna kienet l-aktar żona li fiha ġraw inċidenti tat-traffiku, bl-ammont ilaħħaq għal 1,647. Dan ifisser 38% tal-inċidenti li seħħew fit-tieni kwart ta’ din is-sena ġraw fil-lokalitajiet li jiffurmaw iċ-ċentru tal-pajjiż.
Dan ħareġ mill-istatistika ppublikata mill-NSO, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Kważi 70% tal-inċidenti kienu kkawżati minn karozzi filwaqt li 22% kienu kkawżati minn muturi u 6.8% tal-inċidenti kienu kkawżati minn vetturi oħra bħal trakkijiet u vannijiet.
Il-ġurnata li fiha seħħew l-aktar inċidenti kienet it-Tnejn b’total ta’ 692 inċident f’perjodu ta’ 3 xhur. Kien hemm imbgħad il-Ħdud li fihom ġraw l-aktar inċidenti li fihom pero’ weġġgħu n-nies, b’total ta’ 17.5% tal-inċidenti.
Skont l-istatistika, inċidenti tat-traffiku li fihom weġġgħu n-nies bejn April u Ġunju żdiedu bi 8.7% meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena 2015.
Mit-total ta’ 4,331 inċident tat-traffiku weġġgħu 100 persuna li kienu passiġġiera f’karozza u 40 persuna oħra li kienu fit-triq weġġgħu kawża ta’ inċident tat-traffiku.
Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena kien hemm 5 persuni li tilfu ħajjithom f’inċident tat-traffiku. Tnejn minnhom xufiera, passiġġier, persuna li kienet fit-triq fil-ħin tal-inċident u ċiklist. Kollha f’inċident separati.
L-istatistika tal-NSO tgħid wkoll li mill-bidu tas-sena sa’ Ġunju kien hemm 9 inċidenti tat-traffiku fatali.
//= $special ?>