Ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni jivvota kontra peress li l-Imrieħel iddaħħal bħala żona għall-bini ‘high rise’ bil-moħbi mill-Gvern u wara li għalqet il-konsultazzjoni
Minkejja li l-Imrieħel iddaħħal fiż-żona dedikata għall-bini ‘high rise’ mill-Gvern bil-moħbi, u wara li kienet għalqet il-konsultazzjoni pubblika, dalgħodu l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess għall-bini ta’ erba’ torrijiet fl-Imrieħel, b’10 voti favur u 2 voti kontra.
Fl-2014 daħlet fis-seħħ il-‘Floor Area Ration Policy’, li fiha kienu inklużi numru ta’ żoni f’Malta dedikati għall-bini ‘high rise’. Dakinhar, l-Imrieħel ma kinitx parti minn din il-lista u ddaħħlet aktar tard mill-Gvern bil-moħbi u minn wara dahar kulħadd.
Minkejja dan, dalgħodu l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ erba’ torrijiet fl-Imrieħel b’10 voti favur u 2 voti kontra. Ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni Ryan Callus ivvota kontra li joħroġ dan il-permess għal numru ta’ raġunijiet fosthom li l-Imrieħed iddaħħal f’din il-policy minn wara dahar kulħadd, direttament mill-Gvern, u wara li ngħalqet il-konsultazzjoni pubblika.
Qabel ittieħed il-vot, Ryan Callus spjega li minkejja din ir-raġuni, il-Partit Nazzjonalista hu favur li l-Imrieħel jiġi żviluppat. Fakkar li numru ta’ ġimgħat ilu, fil-Parlament, kien żvela li l-lokalità tal-Imrieħel iddaħħlet f’din il-policy direttament mill-Ministru responsabbli (il-Ministru tal-Awtorità tal-Ippjanar huwa l-Prim Ministru Joseph Muscat). L-Imrieħel iddaħħlet f’din il-policy bil-moħbi mill-Prim Ministru wara li ngħalaq il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Waqt is-smigħ, kien hemm numru ta’ rappreżentazzjonijiet mill-pubbliku kif ukoll minn diversi għaqdiet ambjentali, li min-naħa tagħhom talbu lill-Awtorità’ tal-Ippjanar biex ma tieħux deċiżjoni dwar dan il-proġett qabel ma ssir konsultazzjoni magħhom dwar l-inklużjoni tal-Imrieħel fil-‘Floor Area Ratio Policy’.
Żiedu li l-proċedura ma kinitx segwita kif suppost meta l-Imrieħel żdied fiż-żona għal bini ‘high rise’ u għaldaqstant il-policy rispettiva ma tistax tiġi applikata mill-Awtorità tal-Ippjanar. L-għaqdiet saħqu li kienet l-obbligazzjoni tal-Awtorità li ssegwi l-proċedura kif suppost meta l-Prim Ministru żied l-Imrieħel fil-lista ta’ żoni dedikati għall-‘high rise’ bil-moħbi.
Filfatt, ilbieraħ, erba’ għaqdiet ambjentali (Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth (Malta) u r-Ramblers Association) ppreżentaw protest ġudizzjarju fil-Qorti fejn sejħu lill-membri tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar biex ma japprovax il-permess għall-bini għoli sakemm tiġi osservata sew il-liġi. Dwar dan saret referenza mill-Avukat tal-Awtorità’ tal-Ippjanar fil-bidu tas-smigħ appella lill-membri tal-bord biex jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni b’konvinzjoni u f’serenita’.
Aktar: Erba’ għaqdiet ambjentali bi Protest Ġudizzjarju kontra l-proġetti ta’ bini għoli
Matul is-smigħ saru wkoll numru ta’ preżentazzjonijiet tekniċi dwar l-impatt tal-proġett. Dwar it-traffiku ġie nnutat li l-‘junctions’ li hemm viċin is-sit tal-proġett preżentament m’humiex ilaħħqu mal-ammont ta’ traffiku li jgħaddi minnhom u għaldaqstant irid ikun hemm modifikazzjonijiet fid-dawl ta’ dan il-proġett.
Matul is-smigħ, ġew preżentati ritratti li ttieħdu mill-fotografu Daniel Cilia, li juru kif tidher il-veduta tal-Imrieħel mill-Belt Valletta u mill-Imdina. Il-veduta kif tidher skont ir-ritratti tal-għaqdiet ambjentali hija differenti minn kif tidher il-veduta skont ir-ritratti tal-iżviluppaturi.
Il-proġett jinkludi żvilupp ta’ erba’ torrijiet ta’ 14, 15, 16 u 19-il sular rispettivament, b’ħames sulari taħt l-art. L-għaqdiet ambjentali mhumiex jaqblu mal-iżviluppaturi dwar l-impatt viżiv tal-proġett. Il-proġett jinkludi wkoll ħwienet, supermarket, day care centre, gym b’madwar 1,000 spazju għal parkeġġi. L-iżvilupp tal-proġett mistenni jdum għaddej erba’ snin.
//= $special ?>