Raġel Norveġiż ta’ oriġini Somala qed jinżamm arrestat fuq suspett ta’ qtil wara li ċittadina tal-Istati Uniti tilfet ħajjitha f’attakk għall-għarrieda li seħħ tard fil-lejl tal-Erbgħa, f’Russell Square, fiċ-ċentru ta’ Londra.
Ir-raġel ta’ 19-il sena uża sikkina biex jaggredixxi lin-nies f’Russell Square u fejn spiċċa joqtol anzjana ta’ aktar minn 60 sena. Intant, hu anki darab numru ta’ nies sakemm il-Pulizija intervjenew u kkontrollaw is-sitwazzjoni. Il-midruba inkwistjoni ġejjin mir-Renju Unit, l-Istati Uniti, Iżrael u l-Awstralja.
Ir-rapporti qalu li l-qawwiet tal-liġi li marru jiġru fuq il-post użaw taser gun biex irażżnu lill-aggressur meta dan ipprova jiżgiċċalhom. Aktar ’il quddiem, il-kelliema għall-Pulizija Metropolitana sostnew li l-istat mentali tar-raġel ‘qed jitqies bħala fattur sinjifikanti’ fiċ-ċirkostanzi.
Il-Pulizija, fl-istess ħin, jemmnu li l-attakk kien wieħed ‘spontanju’ u li l-aggressur ‘spiċċa jattakka lil dawk il-persuni li nzertaw quddiemu’.
Dan meta s’issa ma kienx hemm provi li l-attakk kellu ‘xi element ta’ radikalizzazzjoni’ u wara li l-awtoritajiet, inizjalment, ikkunsidraw ‘it-terroriżmu’ bħala għan potenzjali tal-aggressur.
L-Ambaxxatur Amerikan għar-Renju Unit, Matthew Barzun, esprima niket profond għall-mewta tal-mara Amerikana. Dan wara li kelliema għal Scotland Yard qalu li żewġ nisa oħra u tliet irġiel kienu ttrattati għall-ġrieħi li ġarrbu fl-attakk li seħħ viċin l-Imperial Hotel u li ħadd mill-midruba ma jinsab fil-periklu tal-mewt.
Sadanittant, is-Sindku ta’ Londra, Sadiq Khan, sejjaħ biex il-pubbliku jibqa’ kalm waqt li fl-istess ħin jeżerċita ammont ta’ kawtela.
L-aggressur ta’ Russell Square ukoll kien ittrattat l-isptar u issa qiegħed jgħin fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Dan meta l-Pulizija Metropolitana wettqet tfittxija ġo residenzi rispettivi lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar ta’ Londra.
Fl-aħħar sigħat, spikkat preżenza qawwija ta’ Pulizija f’Russell Square u fi nħawi oħra ta’ Londra, bl-osservaturi jsostnu li kienu ilhom ma jaraw preżenza hekk kbira ta’ qawwiet tal-liġi f’dawk iz-zoni mindu seħħew l-attakki terroristiċi tal-2005 kontra s-sistema tat-trasport fil-kapitali.
L-awtoritajiet, min-naħa tagħhom, qalu li r-residenti ta’ Londra għandhom jaraw aktar Pulizija armati fit-toroq ‘bħala miżura li sserraħ moħħ in-nies dwar iż-żamma tas-sigurtà’.
//= $special ?>