Malta u Għawdex, pajjiżi żgħar iżda b’qalb kbira. Il-festi huma xempju ta’ kemm il-Maltin għandhom qalbhom kbira u passjoni għal dak li jagħmel it-tradizzjoni u l-kultura Maltija. Tul is-snin, ħafna affarijiet inbidlu, affarijiet bdew u oħrajn spiċċaw, iżda waħda baqgħet konsistentement fil-kalendarji tal-Maltin u l-Għawdxin: il-festa tar-raħal.
Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, mhux faċli biex wieħed isib il-ħin għal passatempi imma fejn tidħol il-festa, għal ħafna nies, m’hemmx skużi u argumenti, b’sens ta’ dover jiddedikaw ħafna u ħafna ħin biex jaraw li r-raħal tagħhom jibqa’ jissemma għal festa sabiħa, kbira kemm hi kbira, li kellu.
Il-volontarjat
Waħda mill-ikbar sfidi li jiffaċċjaw tradizzjonijiet bħal dawn huma l-volontarjat. Festa, irrispettivament mil-lenti li tħares lejha, tieħu ħafna ħin u ħafna riżorsi. F’Malta, it-tradizzjoni hi fuq il-baned, l-armar u l-qaddis li jkun qed jiġi ċċelebrat. Gruppi żgħar ta’ voluntiera li bis-saħħa tagħhom, u tal-ħin li lesti jiddedikaw, bliet u rħula f’Malta u Għawdex iferħu lir-residenti u viżitaturi bi briju, armar u ċelebrazzjonijiet filwaqt li jżommu s-solennità ta’ festa reliġjuża.
Xejn minn dan ma jkun possibbli li ma kienx għall-voluntiera li minflok iqattgħu l-ħin tagħhom mal-familja jew jiddevertu, iqattgħuh ġo xi maħżen jew każin biex jippreparaw għall-ikbar ġimgħa fil-belt jew raħal tagħhom.
Rivalità
F’ħafna bliet u rħula, tidħol ukoll ir-rivalità. Rivalità sana, li twassal b’pika ta’ min hu l-aħjar, għat-tgawdija ta’ kull min iżur il-festa għaliex bis-saħħa ta’ din ir-rivalità, bis-saħħa tal-ħsieb li wieħed irid jikber biex ikun aħjar mill-ieħor, iċ-ċelebrazzjonijiet ikunu ikbar u isbaħ. L-importanti hu li r-rivalità tibqa’ waħda f’atmosfera ta’ ħbiberija intiża biss biex iżżid mal-briju tal-festa u xejn iktar.
L-aspett reliġjuż
Importanti li f’dawn il-festi, ma nintilfux fl-attivitajiet esterni u brijużi iżda jkun hemm rispett lejn il-lat reliġjuż tal-festa, li fl-aħħar mill-aħħar għandu jkun il-qofol tal-festa.
F’festa jiġi ċċelebrat il-qaddis mhux il-banda, iżda l-banda tintuża biex jiġi ċċelebrat il-qaddis. Dan hu l-qofol ta’ kollox u hu ta’ pjaċir li f’ħafna bliet u rħula, is-sens spiritwali tal-festa għadu b’saħħtu – jekk dan jintilef allura nitilfu l-kultura għaliex l-avveniment ma jibqax festa kif nafuha.
Awguri lill-Ħamruniżi
Issa li din il-ġimgħa qed niċċelebraw il-festa ta’ San Gejtanu f’pajjiżi, il-Ħamrun, minn hawn nieħu l-opportunità biex nawgura l-festa t-tajba lill-Ħamruniżi kollha. Nappella biex niċċelebraw b’mod responsabbli, b’rispett reċiproku u b’sens ta’ lealtà lejn il-Ħamrun u lejn il-qaddis biex flimkien nagħmlu festa mill-isbaħ.