Lokali

FILMAT GRAFIKU: Sidien ta’ razzett fil-Magħtab jistenbħu għal xena xokkanti

Sidien ta’ razzett fl-inħawi tal-Magħtab, in-Naxxar, dalgħodu stenbħu jiġbru l-karkassi ta’ annimali mejta, u jikkalkulaw l-ispiża enormi wara każ li seħħ matul il-lejl li għadda.

Jirriżulta li fil-ħemda tal-lejl, numru mhux magħruf ta’ klieb daħlu f’dan ir-razzett u qatlu ammont konsiderevoli ta’ annimali, fosthom mogħoż, fniek u tjur, li kien ilhom jinżammu b’għożża għal snin twal.

L-annimali li fadal ħajjin jidhru f’filmat li ttella’ online bi ġrieħi li jixbħu gdim, kif ukoll trawmatizzati mill-esperjenza li għaddew minnha.

Mhux ikun eskluż ukoll li dan l-att ma sarx biss mill-klieb, hekk kif fil-post instabu wkoll xi gaġeġ miftuħa, iżda s-sidien innutaw li fl-inħawi hemm mill-inqas 11-il kelb salvaġġ jiġru barra, li huma wkoll ta’ periklu għal min jinzerta għaddej mill-post.

Dwar dan il-każ sar kemm rapport lill-Pulizija kif ukoll lill-Animal Welfare, bis-sidien tar-razzett jappellaw għall-għajnuna ta’ kull min għandu xi tip ta’ informazzjoni.