Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li qal li ma jridx li jara li l-Freeport ta’ Malta jkompli jikber, fi stqarrija, l-kumpanija Malta Freeport Terminals Limited qalet li “l-kumpanija qed tieħu nota u ssegwi mill-qrib dak li qed jingħad sabiex tkun tista’ tevalwa l-futur tagħha u tal-impjegati kollha diretti u indiretti tagħha.”
Din id-dikjarazzjoni qed issir fid-dawl tal-kontroversja li qamet fl-aħħar jiem meta Muscat iddikjara – waqt li kien qed jindirizza konferenza ta’ Ernst & Young- li ma jridx li l-Freeport ta’ pajjiżna jkompli jikber.
Muscat kien qed jirreaġixxi għad-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li dakinhar stess, kif ukoll ftit tal-ġranet qabel waqt żjara fil-Freeport, kien ta l-appoġġ tiegħu biex il-kumpanija toħloq aktar jobs b’pagi tajbin għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Fl-istqarrija, l-Freeport qalet li l-kumpanija f’dan l-istadju qed tanalizza diversi possibilitajiet ta’ żvilupp, inkluż automation, bħala alternattiva sabiex tiprova tibqa’ kompetittiva fid-dawl tar-restrizzjonijiet li qed jissemmew. B’referenza diretta għall-kummenti ta’ Muscat li xxukkjaw lil ħafna – l-aktar lill-ħaddiema tal-istess kumpanija li jammontaw għal mijiet.
B’dispjaċir, il-kumpanija nnotat li minflok qed tissemma għall-investimenti kbar li hi għamlet f’dawn l-aħħar snin – kemm fil-lat operattiv kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żviluppi ambjentali – spiċċat ballun politiku. Fil-fatt, waqt iż-żjara li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-Freeport – fejn iltaqa’ ma’ ħafna ħaddiema waqt il-ħidma tagħhom – il-Kap Eżekuttiv tal-istess Freeport Alex Montebello ta ħarsa lejn l-investiment li sar fix-xhur li għaddew, kif ukoll spjega l-pjani li għandha l-istess kumpanija.
Id-dikjarazzjoni tal-Freeport saret fi stqarrija li fiha, l-istess kumpanija ħabbret li fis-siegħat li għaddew, il-vapur tal-containers MSC Sveva b’kapaċità li jġorr aktar minn 19,000 kontejner daħal għall-ewwel darba fil-Freeport Malti. Dan il-vapur huwa wieħed mill-akbar vapuri tal-kontejners fid-dinja u l-akbar vapur li qatt daħal fil-Freeport Malti. Fl-istqarrija ntqal li dan kien biss possibbli għall-viżjoni għaqlija u l-investiment kontinwu li l-kumpanija tagħmel, fost l-oħrajn taħriġ lill-ħaddiema biex iħaddmu krejns ġodda.
L-istqarrija ttemm tgħid li mingħajr investiment kontinwu, l-Freeport jitlef il-kompetittività tiegħu, u b’konsegwenza ta’ hekk, jintilfu l-postijiet tax-xogħol.
//= $special ?>