Il-qawwiet tal-Gvern Libjan appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti għadhom qed isibu reżistenza iebsa mill-ġellieda tal-ISIS huma u jippruvaw jieħdu lura l-kontroll ta’ Sirte. Din il-belt ewlenija Libjana ilha għal dawn l-aħħar xhur fortizza ewlenija tat-terroristi inkwistjoni u jidhru li għaddejjin il-battalji intensivi fiz-zoni tagħha.
Is-suldati tal-Gvern Libjan, skont ir-rapporti, kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ xkiel sostanzjali minħabba numru ta’ snipers tal-ISIS f’postijiet strateġiċi — bit-terroristi anki jqiegħdu l-mines fit-territorji li qed jiġġieldu għalihom il-qawwiet Libjani.
Il-belt ta’ Sirte kienet assoċjata mal-eksdittatur Libjan Muammar Gaddafi u ilha taħt il-kontroll tal-ISIS minn Ġunju tal-2015.
Jekk kemm il-darba l-ISIS jitlef il-kontroll ta’ Sirte dan għandu jitqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira għall-grupp terroristiku li f’dawn il-ġimgħat sofra sensiela ta’ disfatti militari fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq.
Fil-preżent, qawwiet tal-ajru Amerikani qegħdin jgħinu lill-qawwiet tal-Gvern Libjan għall-Għaqda li fl-aħħar jiem avvanzaw fuq Sirte; bl-interventi mill-ajru jagħtu spinta sostanzjali lil din l-azzjoni militari, minkejja l-aħħar intoppi.
Sal-lum, il-qawwiet tal-Gvern Libjan ħadu lura l-kontroll tal-port u l-ajruport internazzjonali ta’ Sirte, flimkien ma’ bażi tal-ajru u sptar fl-istess zona.
Iżda l-avvanzi ‘staġnaw’, fl-aħħar sigħat, quddiem il-kontra-attakki mill-ISIS fejn – minbarra l-preżenza tas-snipers – qed jispikkaw ukoll l-isplużjonijiet ta’ karozzi-bomba u azzjonijiet ta’ terroristi suwiċida.
L-Istati Uniti ilha mill-2014 twettaq attakki mill-ajru kontra l-ISIS fis-Sirja u l-Iraq, bl-iskop li teqred lill-grupp terroristiku, li, tul ix-xhur, wettaq sensiela ta’ atroċitajiet fl-artijiet li waqgħu taħt il-kontroll tiegħu. L-atroċitajiet jidhru li kienu anki ‘ripetuti’ qalb iz-zoni ta’ Sirte.
//= $special ?>