Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Jinqatgħu r-rati tal-interessi għal baxx rekord

Ir-rati tal-interessi fir-Renju Unit inqatgħu minn 0.5 għal 0.25 fil-mija li jirrifletti baxx rekord. Dan hu anki l-ewwel qtugħ fir-rata tal-interessi f’dan il-pajjiż mill-2009.

Il-Bank tal-Ingilterra ħabbar sensiela ta’ miżuri intiżi biex jistimolaw l-ekonomija tar-Renju Unit u dawn jinkludu xiri ta’ bonds tal-Gvern Britanniku li huma ekwivalenti għal 60 biljun Sterlina. Bħala miżura oħra hemm il-potenzjal għal investiment fil-bonds korporattivi ekwivalenti għal 10 biljun sterlina.

Intant, il-Bank tal-Ingilterra naqqas bil-kbir it-tbassir għall-iżvilupp oriġinali, b’dan jirrifletti l-akbar reviżjoni ‘l isfel mindu l-Bank beda joħroġ b’dawn il-pronostiċi fl-1992.

Għaldaqstant, it-tbassir għall-iżvilupp għall-2017 tnaqqas għal 0.8 mit-2.3 fil-mija li l-Bank kien qed jistenna f’Mejju li għadda.

Issa, il-Bank tal-Ingilterra — bħala parti mill-pakkett ta’ miżuri intiża biex tkattar l-iżvilupp wara l-vot tal-Britanniċi biex iħallu l-Unjoni Ewropea — qed jintroduċi wkoll skema għal Term Funding li tislef direttament lill-banek b’rati qrib il-base rate ġdida ta’ 0.25 fil-mija. Din il-miżura qed issir biex tinkoraġġixxi lill-banek ħalli jkomplu jisilfu lill-klijenti.

L-iskema għandha wkoll l-intenzjoni li l-familji u n-negozji jgawdu mir-rati tal-interessi aktar baxxi.

Bħala fattur separat, l-iskema għax-xiri ta’ bonds korporattivi tinvolvi ( x-xiri ta’) l-ekwivalenti ta’ 10 biljun Sterlina bħala bonds li joħorġu l-kumpanniji barra s-settur finanzjarju. Huma biss il-kumpanniji kkunsidrati li qed jikkontribwixxu għall-ekonomija Britannika li jkunu eliġibbli għall-iskema partikulari. Dan meta f’Settembru mistennija jingħataw aktar dettalji tal-iskema.