Lokali

L-Air Malta titlef il-mandat ta’ inibizzjoni fil-konfront tal-ALPA

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-Air Malta għall-mandat ta’ inibizzjoni fil-konfront tal-Assoċjazzjoni tal-Piloti, l-ALPA – biex twaqqaf milli jittieħdu azzjonijiet industrijali kontra l-linja nazzjonali Maltija.

L-Imħallef Silvio Meli, fid-deċiżjonijiet tiegħu għamel numru ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-ġejjieni tal-linja nazzjonali tal-ajru. Hu stqarr li l-linja tal-ajru m’għandha l-ebda dritt twaqqaf lill-union milli tieħu azzjoni li hi fl-aqwa interess tal-membri tagħha, fejn stqarr li dan hu dritt mogħti mill-Kostituzzjoni.

L-Imħallef kompla billi stqarr li d-drittijiet tal-Union li huma protetti wkoll mill-Konvenzjoni Ewropea, ma jistħgux ikunu kkondizzjonati skont is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Air Malta – li d-dejn ma ġiex b’nuqqas tal-piloti. L-Imħallef Silvio Meli qabel mal-argumenti miġjuba mill-avukati tal-piloti, Mark Vassallo u Edward Gatt, li d-dritt fundamentali tal-azzjoni industrijali ma jistax jiġi sospiż temporanjament sakemm il-medjazzjoni tkompli bejn iż-żewġ partijiet.

L-Air Malta talbet dan il-mandat għax strike ifisser nofs miljun ewro kuljum u qalet li dan ikun riskju kbir għall-ġejjieni tal-kumpanija. Hi argumentat ukoll li l-azzjoni industrijali tista’ tkun ta’ ħsara wkoll għan-negozjati bejn l-Air Malta u l-ALPA.

L-ALPA argumentat li ma kinetx se tieħu tali azzjoni, filwaqt li fis-sentenza l-Qorti nnotat kif it-talba tal-Air Malta ma tissodisfax ir-raġunijiet għall-mandat skont il-liġi.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Meli qal lill-partijiet kollha biex jaġixxu fl-aqwa interessi taż-żewġ naħat għall-ġid komuni. Il-ġimgħa l-oħra, l-Assoċjazzjoni tal-Piloti stqarret li m’għandha l-ebda ħsieb li tikkanċella xi titjiriet tal-Air Malta – iżda ma ċaħdux li jistgħu jittardjaw it-titjiriet.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru tat-Turiżmu dwar il-każ, il-Gvern qal li jirrispetta d-digriet mogħti mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. L-istqarrija tgħid li l-Gvern innota li fid-digriet, il-Qorti tat importanza għall-fatt illi l-piloti tal-Air Malta intrabtu li mhumiex se jieħdu l-ebda azzjoni industrijali li tista’ twassal għal kanċellament ta’ titjiriet. Il-Gvern appella lill-piloti biex ikunu responsabbli fl-azzjonijiet tagħhom. Fil-frattemp il-Gvern se jibqa’ jieħu deċiżjonijiet responsabbli favur il-ħaddiema, il-linja nazzjoanli tal-ajru u l-industrija tat-turiżmu.

Il-Gvern aċċerta lill-ħaddiema l-oħra tal-Air Malta li mhumiex piloti, lill-klijenti tal-Air Malta, u kif ukoll lill-Maltin u l-Għawdxin kollha li jibqa’ jagħmel ħiltu sabiex ma jippermetti lil ħadd li jabbuża minn xi “dritt” tiegħu sabiex jirrikatta lill-Gvern jew lill-Air Malta.

Minn naħa l-oħra l-FORUM Union Maltin stqarret li hi sodisfatta li saret ġustizzja, hekk kif l-azzjoni industrijali hi dritt li hi garantita mill-Kostituzzjoni u li jekk jiġi mxekkel dan id-dritt, tkun theddida serja għad-demokrazija. Il-FORUM tispera li f’Malta ma jkun hemm l-ebda attentat ieħor biex jiġi ostakolat d-dritt tal-unions f’azzjonijiet industrijali fil-ġejjieni.

Aktar tard, fi stqarrija l-linja nazzjonali Maltija l-Air Malta qalet li se tkompli taħdem biex tissalvagwardja l-interessi tagħha, dawk tal-ħaddiema leali tagħha, il-partijiet interessati tat-turiżmu u l-pajjiż b’mod ġenerali. Il-linja tal-ajru żiedet li tirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti. L-Air Malta stqarret li kienet u se tkompli tkun miftuħa għal diskussjonijiet mal-ALPA fuq it-riq il-quddiem.