Ambjent Lokali

L-Awtorità tal-Ippjanar tapprova wkoll żvilupp ta’ torri ta’ 38 sular f’Tas-Sliema – Ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni jivvota kontra

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ torri ta’ 38 sular f’Tas-Sliema. Il-proġett, kien approvat b’seba’ voti favur u sitt voti kontra wara li l-Kunsill Lokali, diversi għaqdiet ambjentali u numru kbir ta’ residenti ressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom waqt il-laqgħa.

Fost dawk li vvutaw kontra l-bini tat-torri f’Tas-Sliema kien hemm ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-bord tal-Awtorità Ryan Callus, li wara li ttieħed il-vot, spjega li vvota kontra peress li kien jidher li l-policy ‘Floor to Area Ratio’ ma kinitx qed tiġi rispettata kif suppost.

Filfatt, il-proġett kien approvat taħt il-‘Floor to Area Ratio Policy’, jiġifieri l-policy li telenka ż-żoni li fihom jista’ jinbena bini ‘high rise’. Tas-Sliema hu wieħed miż-żoni dedikati għal bini għoli, u b’kuntlarju mal-Imrieħel, ma ddaħħalx fil-policy mill-Gvern bil-moħbi u minn wara dahar kulħadd.

Madanakollu, fi kliem Ryan Callus u numru ta’ rappreżentanti ta’ għaqdiet ambjentali, il-policy ma ġietx rispettata filwaqt li ma sarux numru ta’ studji dwar l-impatt tal-proġett.

Il-Kunsillier ta’ Tas-Sliema Paul Radmilli spjega lil NETnews.com.mt li fost oħrajn, ma sarx studju kif suppost dwar l-impatt tal-proġett fuq it-traffiku. Żied li baqa’ ma ngħatax risposta dwar il-mistoqsija ta’ kemm is-sewwieqa se jżidu fil-ħin li jqattgħu fit-traffiku.

Radmilli qal lil NETnews.com.mt li hemm tħassib ukoll dwar il-fatt li l-proġett se jirriżulta f’żieda ta’ madwar 3,000 karozza f’Tas-Sliema.

Min-naħa tiegħu, l-iżviluppatur Michael Soler spjega, f’kummenti lil NETnews.com.mt, dwar il-benefiċċji tal-proġett, li se jinkludi units residenzjali, uffiċini kif ukoll spazju kummerċjali. Wieħed mill-benefiċċji hu l-ispazju kbir privat li l-pubbliku se jkun jista’ jgawdi peress li se jkollu aċċess għalih. Il-proġett jinkludi wkoll ir-restawr ta’ Villa Drago li tinsab fiż-żona fejn se jsir l-iżvilupp.

2