L-Eks Kummissarju Michael Cassar, li rrizenja mill-kariga ftit wara li ltaqa’ mad-direttur tal-agenzija li kienet qed tinvestiga lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, irrifjuta li jitkellem meta kien mistoqsi minn The Malta Independent dwar ir-rizenja ta’ Manfred Galdes, id-direttur tal-FIAU, li fl-ahhar xhur kienet qed tinvestiga lill-id il-leminija u x-xellugija tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Skont dak żvelat, l-istess Manfred Galdes iltaqa’ mal-eks-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar li min-naħa tiegħu kien għadda xi files b’dak li l-FIAU kienet stabilixxiet dwar l-attivitajiet irregolari ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Ftit wara, Michael Cassar ħareġ bil-leave u aktar tard irriżenja minn Kummissarju tal-Pulizija jumejn biss wara l-laqgħa li kellu mal-kap tal-aġenzija Maltija ta’ kontra l-ħasil tal-flus.
Dan ġie żvelat mill-ġurnal The Malta Independent – fejn il-ġurnalisti tal-media indipendenti pruvaw jagħmlu kuntatt mal-eks Kummissarju Michael Cassar, iżda sfortunatament l-ebda risposta ma ingħatat f’dan ir-rigward, minkejja l-kollaborazzjoni dwar l-investigazzjoni fuq l-iskandlu tal-Panama Papers bejn Michael Cassar u Manfred Galdes stess.
Marbuta mar-riżenja ta’ Manfred Galdes minn Direttur tal-FIAU – Net News għamel kuntatt miegħu direttament fejn Galdes stqarr li m’għandu l-ebda kumment x’jgħaddi. Minn naħa l-oħra, l-Gvern Malti tkellem dwar ir-riżenja fejn qal li r-raġuni li Manfred Galdes temm il-pożizzjoni tiegħu minħabba li sab opportunita’ ta’ xogħol fis-settur privat.
B’rabta mal-istess riżenja, Net News prova jieħu r-reazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u mal-Ministru tal-Intern Carmelo Abela dwar ir-riżenja mhux mistennija ta’ Manfred Galdes – madanakollu s’issa għadha ma waslet l-ebda risposta.
//= $special ?>