Kull min iħobb isegwi l-ġrajjiet kurrenti bla dubju ta’ xejn xi ftit jew xejn qiegħed isegwi l-elezzjoni Presidenzjali Amerikana li issa tinstab fl-aqwa tagħha. Elezzjoni li tilħaq il-qofol tagħha f’Novembru li ġej meta l-Amerikani jiġu msejħa biex jagħżlu bejn ir-Repubblikan Donald J Trump jew id-Demokratika Hillary Clinton.
Għal kull min iħobb il-politika b’mod ġenerali, l-elezzjoni Presidenzjali tal-Istati Uniti hi dejjem waħda li tiġbed l-interess. Hi elezzjoni l-ewwel qabel kollox, li se tiddeċiedi min imexxi wieħed mill-aktar pajjiżi ekonomikament, politikament u militarment influwenti fid-dinja; pajjiż li dak li jiġri fih għandu impatt dirett fuq prattikament id-dinja tal-punent kollha. Elezzjoni li fuqha jkun hemm l-attenzjoni tal-midja mondjali u li tiġi missielta quddiem għajnejn id-dinja.
Elezzjoni li sfortunatament din id-darba tista’ biss tiġi deskritta bħala Hobson’s Choice – jiġifieri dak ix-xenarju fejn l-għażla mhi għażla xejn għaliex wieħed jispiċċa kostrett jagħmel l-għażla tiegħu abażi ta’ the lesser of the evils.
Il-kampanja Trump
Bla dubju ta’ xejn fit-tajjeb jew fil-ħażin, il-persuna ta’ Donald Trump qiegħda tiddomina din il-kampanja elettorali. Diffiċli wieħed jiċħad li l-midja Ewropea, bir-raġun jew le, għandha antipatija kbira lejn dan il-biljunarju Amerikan li bħal donnu qajla qiegħed jimpurtah li r-relazzjoni tiegħu mal-midja, mhux biss fl-Ewropa iżda anke fl-Istati Uniti qiegħda tkompli tmur mill-ħażin għall-agħar.
Trump qiegħed jibni pjattaforma elettorali mibnija fuq l-element tax-xokk. Jgħid affarijiet li diffiċli wieħed jasal jemmen li ma jkunx basar minn qabel li se jkunu ferm kontroversjali u diviżivi. Saħansitra diviżivi sal-punt li joħolqu kunflitt ċar ma’ nies bi tradizzjoni twila fil-partit Repubblikan bħal familja Bush, is-Senatur John McCain u l-ekskandidat President Mitt Romney.
Fil-politika, relazzjoni ostili mal-midja u qasma mal-partit tiegħek stess mhumiex meqjusa bħala ingridjenti għas-suċċess. Jidher li Trump jixtieq iżda jmeri dak li s’issa dejjem kien is-sewwa magħruf.
Hemm imbagħad l-element populista fil-kampanja Trump. Trump identifika settur, il-ħaddiem manwali maskili, li fl-Istati Uniti għandu tendenza jħossu li sar minsi u qiegħed jibni pjattaforma li ddoqq ħafna għal widnejh. Hi mossa riskjuża għaliex turta bosta faxex oħra iżda għal darb’oħra l-kampanja Trump se tipprova tmeri dak li s’issa kien is-sewwa magħruf u tibni t-tamiet tagħha f’Novembru fuq is-saħħa elettorali ta’ din il-faxxa.
Il-kampanja Clinton
Hemm imbagħad il-kampanja tad-Demokratiċi ta’ Clinton. Kull min ra l-konvenzjoni tad-Demokratiċi f’Philladelphia, bla dubju ta’ xejn seta’ jinduna li l-kampanja Clinton hi bħalma jgħidu, well polished u well oiled. Kampanja li qiegħda tgawdi pjaċiri kbar mill-midja internazzjonali u mill-midja Amerikana li sforz l-antipatija li qiegħda tiġġenera l-kampanja Trump, qiegħda tonqos milli tmur lil hinn mix-xinxilli tal-kampanja Clinton.
Hemm imbagħad il-persuna ta’ Hillary Clinton li ftit li xejn qiegħda ssibha diffiċli biex komparata ma’ Donald Trump, tinstema’ aktar normali, aktar tipika ta’ ton Presidenzjali u ferm inqas diviżiva anke fi ħdan il-partit tagħha stess. Dan kollu qiegħed iservi biex Clinton qiegħda tgawdi vantaġġ ċar fil-popolarità.
Dan kollu ma jaħbix mill-mistoqsijiet kbar li kien hemm dwar it-tmexxija ta’ Clinton u li qegħdin jibqgħu mhux imwieġba grazzi għal kontroversji ta’ Trump. Ftit hemm tweġibiet dwar Clinton u l-integrità politika tagħha, l-onestà politika tagħha u l-kredibbiltà tagħha fejn tidħol il-politika estera u s-sigurtà tal-pajjiż.
Huma kollha dubji kbar li f’xenarju normali kienu probabbli jkunu l-bidu tat-tmiem tal-kampanja tagħha, iżda li fiċ-ċirkustanzi preżenti jservu biss biex jagħmlu l-għażla tal-poplu Amerikan każ ta’ Hobson’s Choice.