Il-kumpanija Ocean Installer ma tridx tikkummenta u lanqas twieġeb domandi dwar iċ-ċimi li se jiġu installati fil-baħar sabiex iżommu t-tanker Armada LNG Mediterrana illi se jipprovdi l-gass għall-power station il-ġdida tal-Electrogas.
Din kienet il-pożizzjoni li ħadet l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-kumpanija Norveġiża Hedda Bull-Hansen Sarhan f’kummenti lill-ġurnal In-Nazzjon wara li Ocean Installer għamlet stqarrija pubblika fejn ħabbret illi rebħet it-tender biex tipprovdi iċ-ċimi għat-tanker tal-gass f’Marsaxlokk.
Ocean Installer se tkun qed tipprovdi dik li b’mod tekniku tissejjaħ sistema ta’ mooring chain għall-Floating Storage Unit (FSU), jew fi kliem aktar sempliċi ċ-ċimi li se jorbtu f’postu t-tanker tal-gass.

Fost id-domandi li bagħtna bl-email, saqsejna kemm se jdum biex ikun lest dan ix-xogħol, jekk il-kumpanija għamlitx studji fuq l-impatt tar-riħ u l-mewġ f’din iz-zona, kemm il-ċima u katina se tintuża, u jekk it-tanker hux se jkun marbut max-xatt jew ma qiegħ il-baħar.
Saqsejna ukoll lil Ocean Installer jekk fil-passat għamlux proġett ta’ dan it-tip f’impjanti tal-gass oħrajn.
Bqajna anke bla risposta għad-domandi dwar il-manutenzjoni li għandhom bżonn dawn iċ-ċimi, dwar is-sigurta’ li għandha tipprovdi din is-sistema ta’ ċimi, u dwar it-testijiet li jridu jsiru ladarba jasal it-tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Għal dawn il-mistoqsijiet kollha, il-kelliema għal Ocean Installer qaltilna biss illi “se toqgħod lura milli tikkummenta dwar dan il-proġett”.
L-istess mistoqsijiet jinsabu għand l-Electrogas, iżda sa issa għadna bla risposti.
//= $special ?>