Donald Trump, il-kandidat li se jirrappreżenta lill-Partit Repubblikan fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti, insista li l-kampanja li qed issostnih ‘tirrifletti l-għaqda fost il-partitarji’ minkejja l-ħafna rapporti dwar diżgwid kbir fost ir-Repubblikani.
Is-sitwazzjoni fil-partit tirrifletti inċertezza u mhux ftit tad-differenzi fost il-membri u l-attivisti, wara li Trump wettaq numru ta’ żbalji f’din il-kampanja. Fil-fatt, diversi elementi tal-istampa qalu li l-kampanja ta’ Donald Trump ‘qed tegħreq fil-kaos’ wara li hu attakka bil-kliem lill-ġenituri ta’ suldat Amerikan ta’ nisel Musulman li, snin ilu, kien tilef ħajtu waqt missjoni ‘il hinn mill-Istati Uniti.
Iżda Trump qed jagħmel minn kollox biex ixejjen l-għajdut u, waqt rally fi Florida, sostna li l-kampanja tiegħu ‘sejra tajjeb ħafna minbarra li tirrifletti l-akbar sens ta’ għaqda li rajna s’issa’. Dan meta Paul Manafort, li qed imexxi l-kampanja ta’ Donald Trump, akkuża lill-kandidat tal-Partit Demokratiku, Hillary Clinton, ‘talli xerrdet rapporti dwar diżgwid fost ir-Repubblikani’.
Madankollu, rapporti oħra qalu li membri ewlenin tal-Partit Repubblikan qegħdin jippjanaw ‘intervent’ biex isaħħu l-kampanja tal-partit tagħhom qabel il-vot importanti ta’ Novembru li jiddeċiedi t-tmexxija tal-Istati Uniti.
Mifhum li l-membri se jenfasizzaw issues bħax-xogħol u ftehim kummerċjali, meta r-Repubblikan Newt Gingrich, eks Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u wieħed mill-protagonisti wara l-intervent, sostna t-twemmin tiegħu ‘li Trump, bl-aġir li rajna minnu, wettaq ħsara kbira lill-ambizzjonijiet tiegħu’.
Fil-fatt, xi Repubblikani prominenti qalu diġà li se jivvutaw ‘għal Clinton’ fuq il-bażi li ‘Trump m’għandux il-kredenzjali xierqa biex iservi bħala President Amerikan’. Fl-istess ħin, ħafna Repubblikani li huma opposti għal Trump mhumiex se jagħtu appoġġ lil Hillary Clinton, iżda qalu li, ‘minflok’, huma beħsiebhom jivvutaw għal tielet kandidat.
//= $special ?>