Qorti fil-belt ta’ Istanbul ħarġet mandat għall-arrest tat-teologu, Fethullah Gulen. Dan qed isir b’konnessjoni mal-kolp ta’ stat li falla, jiem ilu, fit-Turkija.
Il-mandat jakkuża speċifikament lil Gulen – li qed jgħix fl-eżilju fl-Istati Uniti – ‘li ħareġ id-direttivi għall-kolp ta’ stat tal-15 ta’ Lulju’. Filwaqt li t-Turkija ħeġġet kemm-il darba lill-Istati Uniti biex testradixxi lil Gulen, dan it-teologu – li fil-passat kien alleat tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan – qed ikompli jiċħad għal kwalunkwe sehem fl-azzjoni falluta.
It-Turkija, fl-aħħar ġranet, ħadet il-miżuri ħorox fil-konfront tal-elementi li taħseb li kienu responsabbli għall-kolp ta’ stat. L-aktar li ġarrbu minn dawn il-miżuri, s’issa, huma persuni u uffiċjali meqjusa bħala ‘sostenituri ta’ Gulen’.
S’issa, għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku spiċċaw sospiżi jew imkeċċija mix-xogħol; bl-awtoritajiet Torok jirtiraw il-passaporti ta’ ħafna minn dawn in-nies.
Miżura oħra ta’ wara l-kolp ta’ stat kienet ir-riforma – jew theżżiża – fi ħdan il-qawwiet armati tat-Turkija.
Dan meta, sallum, hemm madwar 18,000 persuna arrestati fit-Turkija b’konsegwenza tal-kolp ta’ stat, bil-President Tork, Erdogan, jimpenja ruħu wkoll biex ‘jikkonfronta’ lin-negozji li għandhom ir-rabtiet ma’ Fethullah Gulen.
//= $special ?>