Lokali

Aktar familji f’inċertezza – l-SĦPN

Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li hu kontra li jara aktar tkabbir fil-Freeport ħolqot inċertezza kbira fost mijiet ta’ ħaddiema u familji li l-għajxien tagħhom jiddepemdi minn hemm. Mhux l-ewwel darba li dak li jiddeċiedi Muscat iseħħ, irrilevanti jekk jiddependix minnu li jiddeciedi.

Dan qalitu s-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) fi stqarrija, li fiha fakkret kif qabel il-vot meħud fil-MEPA dwar l-approvazzjoni tat-tanker tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, il-Prim Ministru kiteb lill-Awtorità biex joħloq pressjoni fuq deċiżjoni favur għax kien jagħmel ta’ rasu u jibqa’ għaddej. U hekk ġara għax il-MEPA ddeċidiet favur it-tanker li ma kienx imwiegħed fil-Programm Elettorali Laburista.

L-SĦPN qalet li issa, biex jidher sabiħ mar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, Muscat iddeċieda li l-Freeport ma jkabbarx aktar l-operat tiegħu. Dan imur kontra kull prinċipju demokratiku għax il-Prim Ministru m’għandu l-ebda dritt jiddeċiedi fuq dawn il-materji, iżda għandhom ikunu l-awtoritajiet kompetenti u awtonomi li jiddeciedu favur tkabbir jew le, mingħajr l-ebda indħil u wara studju serju.

L-SĦPN kompla li tkabbir ma jfissirx li ser tittieħed aktar art għax hemm ħafna metodi kif il-Freeport jista jikber fl-operat tiegħu mingħajr ma jieħu aktar art. Dan mhux kompitu tal-Prim Ministru Muscat li jiddeċiedi jekk iseħħx jew le għax qed jipperikola l-għajxien ta’ mijiet ta’ ħaddiema.

Minbarra li ġie jaqa’ u jqum mir-residenti fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, li għabbihom b’Power Station ġdida li m’hemmx bżonnha u b’tanker tal-gass sorġut għal 18-il sena bi ftit jew xejn studju dwar l-impatt għall-inħawi u r-residenti, Muscat ddejjaqx lanqas jagħti meded sħaħ ta’ art f’Dellimara liċ-Ċiniżi bħala parti mill-ftehim magħhom. U issa qed jigi jaqa’ u jqum ukoll mill-impjegati tal-Freeport billi qed jipprova jiskorja punti politici a skapitu tagħhom.

L-SĦPN sostniet li hi favur li x-xogħol fil-Freeport ikompli jiżdied, tant li m’għandhomx ikunu l-politiċi li jxekkluh. Sfortunatament erġajna lura għal dak iż-żmien fejn il-politiku jiddeċiedi kollox hu, irrispettivament minn dak li jgħidu l-awtoritajiet kompetenti. Il-Gvern ta’ Muscat qed jaqbeż kull limitu u qed jindaħal f’kollox u kullimkien, bl-akbar arroganza possibbli, temmet tgħid l-istqarrija.