Internazzjonali

Arrestat traffikanti ta’ bnedmin fl-Italja li kienu mmexxija minn ‘Iżlamiku radikali’

L-awtoritajiet Taljani qalu, li rnexxielhom ‘ikissru’ grupp għat-traffikar ta’ persuni li kien ibbażat qrib il-belt ta’ Napli u li kien qed jitmexxa minn Tuneżin suspettat dwar rabtiet mal-militanti Iżlamiċi.
Dan inkixef waqt investigazzjoni dwar grupp li kien jipprovdi l-kuntratti tax-xogħol foloz minn fabbriki tat-tessuti lokali.
Dan, skont il-Pulizija, kien intiż biex isir aktar faċli għall-immigranti illegali li ġejjin mill-Afrika ta’ Fuq biex jiksbu l-permessi tax-xogħol.
Fl-aħħar sigħat ħarġu l-mandati ta’ arrest għal tal-anqas tmien suspettati. Wieħed mill-mandati hu għall-imsemmi Tuneżin li jingħad li spiċċa ‘radikalizzat’ matul is-sena li għaddiet. Magħruf ukoll li t-Tuneżin inkwistjoni kien uża l-midja soċjali biex ifaħħar l-aħħar attakki terroristiċi f’Pariġi.
Fl-aħħar ġimgħat, tkeċċew mill-Italja sensiela ta’ suspettati Iżlamiċi radikali fuq id-direttiva speċifika tal-Ministru għall-Intern Taljan, Angelino Alfano.
Ħafna mid-direttivi tipiċi, li mhumiex suġġetti għal appell fl-Italja, inħarġu fuq bażi li s-suspettati kienu esprimew appoġġ għall-ideat tal-Iżlamiċi radikali, aktar milli fuq xi provi li s-suspettati kienu qed jippjanaw biex jieħdu xi azzjoni konnessa ma’ dawk l-ideat.