Ir-referee Maltija Esther Azzopardi ingħatat ħatra storika, mhux biss għaliha nnifisha imma wkoll fuq livell nazzjonali.
Dan hekk kif fl-aħħar jiem kien komunikat lilha li ntagħżlet biex tikkontrolla logħba mit-Tazza tad-Dinja ta’ taħt is-17-il sena għat-tfajliet, li se ssir fil-Ġordan bejn it-30 ta’ Settembru u l-21 t’Ottubru li ġej.
F’kummenti lil dan is-sit, Esther Azzopardi ddeskriviet dan l-appuntament bħala riżultat ta’ ħidma fit-tul li hi għamlet biex tkompli titjieb.
“Dan hu appointment ta’ darba f’ħajtek, ħolma li ftit li xejn immaġinajt li qatt se ssir. madankollu komplejt naħdem, bl-għajnuna tad-Dipartiment tar-Referees,” spjegat Azzopardi.
Esther Azzopardi f’pajjiżna tgawdi rispett kbir, mhux biss għall-kapaċitajiet tagħha, imma wkoll għaliex irnexxielha tegħleb l-isfidi biex tlaħħaq max-xogħol personali u l-familja, u fuq kollox wettqet suċċess f’arena li kienet dominata mill-irġiel.
“Matul il-karriera ssib ħafna ntoppi, iżda jekk ikollok is-sapport u taħdem b’ħiltek kollha, kapaċi tasal. Irrid li b’dan l-appointment tiegħi inwassal messaġġ li kulħadd kapaċi, u avolja pajjiżna hu żgħir, għandna potenzjal qawwi,” qalet Azzopardi lil dan l-istazzjon.
Fit-Tazza tad-Dinja U17 se jipparteċipaw 16-il skwadra minn 6 konfederazzjonijiet differenti bil-logħob jintlagħbu f’4 stadiums differenti mifruxa fi tliet bliet.
//= $special ?>