Minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena , jirriżulta li filwaqt li bejn Jannar u Ġunju d-dħul tal-gvern kien €49 miljun iktar, il-ħruġ kien ta’ biss €2.3 miljun aktar biex hekk l-iżbilanċ tal-gvern naqas b’47.3 miljun għal €110.6 miljun.
Tajjeb li meta nitkellmu dwar infiq inqas mill-gvern naraw minn fejn dan ġie. Kif tajjeb naraw fejn qed imur l-infiq ikbar li l-gvern għamel iktar f’kollox, minbarra l-investiment kapitali, li hu l-mutur ta’ kull żvilupp.
Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena l-Gvern nefaq €18.3 miljun iktar f’pagi u salarji għas-settur pubbliku. Hekk fl-ewwel sitt xhur tal-aħħar tliet snin din in-nefqa kibret bi €38 miljun. Jekk nestenduha għal sena, iż-żieda titla’ għal aktar minn €70 miljun.
Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena n-nefqa f’pagi u salarji telgħet għal €360 miljun. Ċifra li tqum u torqod magħna. Li kibret b’mod sproporzjonat għaliex il-gvern, biex jaqdi lil dawk li magħhom kien midjun fl-elezzjoni, qabbad nies bl-addoċċ.
Politika ħażina u bla sens
Issa biex tkun taf kemm din il-politika hi ħażina u bla sens, trid tħares lejn il-qagħda tax-xogħol f’pajjiżna llum. In-numru ta’ dawk jirreġistraw għax-xogħol hu ta’ madwar 5,000. Fl-istess waqt hawn jaħdmu f’pajjiżna uffiċjalment 30,000 ħaddiem barrani. Dan ifisser li kieku l-gvern ried jassorbi lil dawk jirreġistraw għax-xogħol faċilment seta’ jagħmlu, u kien jibqagħlu.
Jista’ kieku jrid il-Gvern jaqta’ mhux biss il-persuni li hemm jirreġistraw għax-xogħol iżda jkompli anke jċekken is-settur pubbliku kif għamel gvern Nazzjonalista wara d-diżastru li sab fl-1987 meta fis-settur pubbliku kien hemm nies jaħdmu daqs fis-settur privat. Hekk il-gvern flok iżid in-nefqa f’pagi u salarji kien inaqqasha.
Għiduli intom x’kien jagħmel b’madwar €70 miljun iktar li qed jonfoq kull sena llum f’pagi u salarji minn dak li kien jonfoq tliet snin ilu? Din hi l-ewwel kunsiderazzjoni li toħroġ miċ-ċifri ppublikati.
In-nefqa kapitali ċkienet bi €80 miljun
It-tieni kunsiderazzjoni hi dik dwar n-nefqa kapitali. Din hi l-investiment li jagħmel il-gvern. Flus minfuqa fil-futur ta’ pajjiżna, fil-modernizzazzjoni ta’ pajjiżna, fl-infrastruttura, f’tisbiħ, restawr u tant proġetti oħrajn. Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena n-nefqa kapitali ċkienet bi €80 miljun għal €126 miljun. Naqset b’39 fil-mija. Din in-nefqa tmur għal proġetti li jwettaq l-istess gvern u s-settur privat. Jekk is-settur privat ma jiħux xogħol mingħand il-gvern, inaqqas il-ħaddiema. Ir-riżultat, aktarx iva milli le, ikun li dawn il-persuni jispiċċaw fis-settur pubbliku. Hekk tikber il-pjaga.
It-tielet kunsiderazzjoni hi l-istess nefqa tal-gvern. Kollu minnu li l-iżbilanċ naqas. Iżda kif naqas? Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena l-gvern kellu €58 miljun f’għotjiet (ċifra ta’ €99 miljun inqas mill-istess perijodu tal-2015) u ssellef €280 miljun (€21 miljun iżjed mill-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra).
Mela li kieku l-gvern ma kellux dawn l-għotjiet u ma ssellifx dawn il-miljuni kollha, kieku l-iżbilanċ kien jiżdied bi €338 miljun u hekk kien jikber għal €450 miljun. Mhix xi ċifra insinifikanti għal sitt xhur tas-sena! Forsi hekk iridu jagħtu l-impressjoni! €450 miljun hi ċifra kważi daqs kemm il-gvern daħħal mill-Income Tax (€525 miljun); u iktar minn dak li daħħal mill-VAT (€320 miljun); Dwana u Sisa (€130 miljun) u Liċenzji, Taxxi u Multi (€156 miljun).
It-taxxi żdiedu
Ir-raba’ kunsiderazzjoni hi d-dħul tal-gvern mid-Dazju u Sisa li qed jiżdied b’mod qawwi minn sena għall-oħra. Fl-ewwel sitt xhur tal-2014 id-dħul minn dan is-sors kien ta’ €69 miljun, li tela’ għal €113-il miljun fl-2015 u €130 miljun din is-sena. Dawn huma taxxi li mhux kulħadd jinnota. Pereżempju din iċ-ċifra tinkludi ż-żieda fis-sisa fuq il-petrol, diesel u prodotti oħra li joħorġu miż-żejt. Taxxi li ma dehrux għaliex iż-żejt fl-aħħar xhur roħos għall-iktar livell baxx tiegħu f’ħafna snin u d-dħul miż-żieda addizzjonali fit-taxxa tas-Sisa ġiet assorbita. Iżda darba ż-żejt jogħla, kif illum jew għada jogħla għax dak hu ċiklu, u l-gvern ikun kostrett li jgħolli l-prezz tal-petrol u d-diesel, imbagħad inkunu nafu l-verament żieda ta’ din is-sisa.
Mhux fuq il-petrol u d-diesel biss żdiedet is-Sisa. Is-Sisa żdiedet fuq spirti, sigaretti, tabakk, siment, servizzi ta’ telefonija immobbli. U daħlet fuq tyres, inbejjed, skrataċ, chewing gum, boroż tal-plastik, ilma bbottiljat u xorb mhux alkoħoliku.
Kera ogħla għall-postijiet tal-gvern
Kien hemm impożizzjonijiet oħra, li m’għandhomx x’jaqsmu mad-dazju u sisa li għamel dan il-gvern u li ftit nisimgħu dwarhom. Fosthom iż-żieda fil-kera ta’ postijiet tal-gvern fejn f’ħafna każi kienet waħda verament qawwija u li xorbot iktar minn kull żieda li ta l-gvern għall-għoli tal-ħajja.
Dan il-gvern kellu opportunità storika li verament ipoġġi l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq sisien ferm iktar sodi milli sabhom. Daħal b’dota ta’ €1,200 miljun li l-gvern ta’ Lawrence Gonzi kisiblu mingħand l-Unjoni Ewropea anke meta kien jaf li se jitlef l-elezzjoni. Sab tliet setturi, it-trepied li fuqhom tistrieħ l-ekonomija: l-industrja, it-turiżmu u s-servizzi finanzjarji fl-aħjar tagħhom. Sab sistema tal-elettriku tiġġenera biżżejjed mill-impjant tal-BWSC u mill-interconnectors li kieku ried ma kienx jidħol għal proġett bla bżonn li qed jiswa tant mijiet tal-miljuni li qed nagħmlu tajjeb għalihom aħna.
Sab produzzjoni tal-ilma li tilħaq mal-ħtiġiet ta’ pajjiżna. Sab pajjiż modern. Sab bonanza ta’ prezz taż-żejt mill-iktar baxx li min jaf x’qed iħallilu fil-kaxxa tat-teżor. Ried biss ikompli jirfina fuq li sab.
Li kieku kien bil-għaqal dan il-gvern mhux biss qata’ l-iżbilanċ fil-kontijiet tiegħu, iżda kien anke jibda jnaqqas id-dejn (mhux bħala persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross iżda f’termini reali ta’ miljuni ta’ ewro), li mhux biss ma żdidx iżda kompla jonfoħ ʼil fuq.
Tberbiq ta’ flus il-poplu
Minflok il-gvern għażel li jberbaq flus il-poplu biex jaqdi eluf li qabbad jaħdmu fis-settur pubbliku, biex skwerja wegħdiet li għamel qabel l-elezzjoni. Biex qeda nies bħal tal-Cafè Premier u Gaffarena. Biex kien hemm min stagħna filwaqt li dawk fir-riskju tal-faqar telgħu għal 100,000.
Tat-tberbiq li sar minn flus il-poplu għad irridu nħallsu bl-imgħax.