Futbol Sport

Intervista: Kevin Azzopardi jinħatar Direttur tad-Dipartiment tar-Refereeing 

L-eks referee internazzjonali Malti Kevin Azzopardi nħatar bħala Direttur tad-Dipartiment tar-Refereeing fi ħdan l-MFA wara li għall-aħħar ġimgħat kien qed imexxi d-Dipartiment bħala Acting Director.

F’dan il-perjodu Azzopardi, li beda jirreffja meta kellu biss 15-il sena fl-1995 u kiseb il-FIFA badge fl-2013, irnexxielu jżid il-ħaddiema fid-Dipartiment minn tmien persuni għal 25, fil-waqt li żamm l-istess baġit.

“Qed nagħmlu dan fil-waqt li kemm jista’ jkun ninvolvu lil kull min jemmen li jista’ jagħti kontribut pożittiv lis-settur. Fid-dawl ta’ dan iddelegajt parti mir-responsabbiltajiet tiegħi biex ix-xogħol jinqasam bejn kulħadd,” spjega Azzopardi lil dan l-istazzjon.

Fost it-tibdiliet fl-istruttura tad-Dipartiment tar-Refereeing se jkun hemm it-twaqqif ta’ unit dixxiplinarja awtonoma mill-kumitat tar-referees, unit ġdida li se tassassja x-xogħol intern tad-Dipartiment, fitness unit li se twassal biex il-fitness tests isiru b’mod awtonomu u Gozo unit li se twassal biex tingħata iżjed importanza lil din il-gżira.

“F’Għawdex hemm potenzjal importanti li għadu mhux skopert. ir-referees Għawdxin li għandna llum-il ġurnata jagħtu kontribut importantissimu imma qed jikbru fl-eta u aħna obbligati li nħarsu lejn il-futur u noħolqu programm apposta għall-Għawdxin permezz tal-akkademja tagħna,” spjega Azzopardi.

Azzopardi, li se jkun mgħejun mill-eks uffiċjali Andrè Arciola u Philip Agius, għadda dawn il-kummenti waqt seminar li għaddej bħalissa għall-uffiċjali u r-referee observers. Dan is-seminar kellu attendenza ta’ madwar 150 uffiċjal, żieda drastika mid-90 uffiċjal li kellu pajjiżna fl-2010/11. Dan grazzi wkoll għall-ħidma tal-akkademja tar-referees matul is-snin.