Futbol Sport

Intervista ma’ David Elleray: “Is-saħħa, uffiċjal tal-futbol juriha meta jagħraf li żbalja”

“Meta uffiċjal tal-futbol jagħraf li żbalja, jammetti u jħares ‘il quddiem lejn il-futur, hemm juri s-saħħa tiegħu.”

Messaġġ importanti mill-eks referee internazzjonali David Elleray, li matul il-karriera rreffja numru ta’ partiti importanti, inkluż 78 logħba internazzjonali f’35 pajjiż differenti, kif ukoll il-finali tal-FA Cup tal-1994.

David Elleray hu l-mistieden speċjali tad-Dipartiment tar-Refereein fi ħdan l-MFA, li f’dawn il-jiem qed jorganizza seminar annwali għall-uffiċjali u r-Referee Observers qabel il-bidu tal-istaġun li jmiss.

Il-preżenza ta’ Elleray f’dan is-seminar hi waħda sinifikattiva, mhux biss għall-esperjenza vasta li għandu l-eks referee Brittaniku, imma wkoll għaliex l-uffiċjali Maltin ingħataw spjegazzjoni għal xejn inqas minn 95 tibdila fir-regoli li se tidħol fis-seħħ mill-istaġun li ġej.

“Ilna snin naħdmu mad-Dipartiment tar-Refereeing f’Malta, iżda nqis din iż-żjara tiegħi bħala l-iktar waħda produttiva, u hu sinifikattiva li quddiemna kellna lill-uffiċjali kollha, minn kull livell tal-futbol lokali għaliex b’hekk stajna ngħaddu messaġġi konsistenti lil dawn l-uffiċjali,” spjega Elleray lil dan is-sit.

Hu ndirizza wkoll lill-partitarji, li bla dubju jikkritikaw lill-uffiċjali meta jagħmlu żball. “Għall-kuntrarju tal-kowċis, referee għandu biss ftit sekondi biex jieħu deċiżjoni, u xi kultant ma jkunx f’pożizzjoni ideali biex ajra dak li seħħ,” fakkar Elleray.

Madankollu stqarr li fl-opinjoni tiegħu “l-uffiċjali Maltin, meta jiżbaljaw, jieħdu żbalji sinċiera u li meta jagħmlu żball ikunu professjonali li janalizzawh u jippruvaw jitjiebu għall-futur.”