Lokali

Jirriżenja l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir Pierre Cassar ippreżenta r-riżenja tiegħu. Dan wara seba’ snin li kien ilu jokkupa din il-kariga.

Skont dak irrappurtat fil-media, Cassar ta r-riżenja tiegħu aktar kmieni din il-ġimgħa liċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir Tanya Borg Cardona.

F’kumment lil The Times of Malta, Pierre Cassar qal li ddeċieda li jirriżenja biex ifittex opportunitajiet ġodda fil-karriera tiegħu. Mistoqsi jekk kellux xi forma ta’ diżgwid mac-Chairman Tanya Borg Cardona, Pierre Cassar wieġeb li jippreferi ma jikummentax fuq kwistjonijiet interni tal-Awtorità tax-Xandir.

F’diversi artikli fil-media lokali jingħad li skont sorsi qrib l-Awtorità tax-Xandir, il-Kap Eżekuttiv Pierre Cassar ma kienx komdu bit-tmexxija u b’ċerti deċiżjonijiet taċ-Chairman Tanya Borg Cardona. Dan anke b’rabta maż-żjara li hi għamlet fl-Iżvezja waqt il-Eurovision Song Contest u li rriżulta li swiet lill-Awtorità madwar €3,500. Qatt fis-snin li għaddew ma kien hemm Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir li attenda għall-Eurovision Song Contest f’isem l-Awtorità.

Fi ħdan l-Awtorità tax-Xandir, xahrejn ilu rriżenjaw żewġ membri oħra tal-Bord, Reno Borg u Rose Sciberras li kienu r-rappreżentanti tal-Partit Laburista. Jirriżulta li r-riżenji tagħhom wkoll saru minħabba diżgwid ma’ Tanya Borg Cardona. Post Reno Borg u Rose Sciberras ħaduh l-eks Editur tal-ġurnal tal-GWU Frans Ghirxi u l-Avukat Alessandro Lia.