Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, wissa lil Donald Trump, li se jikkuntesta għall-Presidenza tal-pajjiż f’isem il-Partit Repubblikan, ‘biex iwieżen kliemu sew’ u joqgħod attent dwar dak li jgħid ladarba hu ikun involut fil-briefings klassifikati ta’ qabel l-elezzjoni.
It-twissija ngħatat jiem wara li Obama ddikjara lil Trump bħala ‘mhux xieraq li jmexxi lill-pajjiż’, bil-President tal-Istati Uniti, issa, jikkonferma li se jżomm mat-tradizzjoni u jorganizza laqgħat pre-elettorali fejn jgħaddi informazzjoni sigrieta lill-istess Trump kif ukoll lil Hillary Clinton; il-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-White House.
Il-President Amerikan, intant, saħaq dwar l-importanza li ż-żewġ kandidati ma jlissnu xejn fil-pubbliku dwar dak li jisimgħu waqt il-briefings.
Obama spjega wkoll li Trump jikkwalifika biex jieħu sehem fil-classified briefings ‘għaliex l-innominat tar-Repubblikani għall-Presidenza irid ikun aġġornat dwar is-sigurtà ħalli jkollu bażi ta’ preparazzjoni f’każ li jkun elett għall-White House.’
Obama jwissi lil Trump dwar is-sigrieti tal-Istat
