Lokali

PANAMA PAPERS: “Riżenja sorpriża ta’ Manfred Galdes marbuta mal-Panama Papers” – ICIJ

Ir-riżenja tal-eks Direttur tal-Financial Intelligence Analysis Unit, l-FIAU, Manfred Galdes ġiet deskritta bħala “riżenja sorpriża” mill-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) fuq Twitter.

L-ICIJ kien il-konsorzju ta’ ġurnalisti internazzjonali li kien żvela miljuni ta’ dokumenti li waslu biex jikxfu l-iskandlu mondjali tal-Panama Papers, fejn sfortunatament isem Malta ġie mtebba wara li ġie magħruf li l-id l-leminija u l-id x-xellugija ta’ Joseph Muscat, l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Fuq Twitter, huma stqarru li l-ispekulazzjoni madwar ir-riżenja ta’ Manfred Galdes hi marbuta mal-iskandlu tal-Panama Papers, dan hekk kif l-aġenzija FIAU li kien qed imexxi kienet għaddejja b’investigazzjoni dwar il-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Manfred Galdes ilu għal dawn l-aħħar numru ta’ snin imexxi l-Financial Intelligence Analysis Unit – l-FIAU – li xogħlha hu li tara li persuni u istituzzjonijiet Maltin jimxu mal-liġijiet ta’ kontra l-ħasil ta’ flus.

Xi xhur ilu, il-Ministru Edward Scicluna kien qal fil-Parlament li l-aġenzija Maltija ta’ kontra l-ħasil tal-flus kienet qed tinvestiga l-iskandlu.

Skont dak żvelat, Manfred Galdes kien iltaqa’ mal-eks-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar li min-naħa tiegħu kien għadda xi files b’dak li l-FIAU kienet stabilixxiet dwar l-attivitajiet irregolari ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Ftit wara li l-FIAU temmew l-investigazzjoni tagħhom, Michael Cassar ħareġ bil-leave u aktar tard irriżenja minn Kummissarju tal-Pulizija jumejn biss wara l-laqgħa li kellu mal-kap tal-aġenzija Maltija ta’ kontra l-ħasil tal-flus.

Dakinhar, Joseph Muscat ħatar lil Lawrence Cutajar bħala Aġent Kummissarju tal-Pulizija, li fis-siegħat li għaddew inħatar bħala Kummissarju tal-Pulizija.

Sal-lum – minkejja li għaddew 5 xhur minn meta ġie żvelat l-iskandlu tal-Panama – il-Pulizija għadha ma bdietx tinvestiga lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi.

Intant, il-Partit Nazzjonalista saħaq li r-riżenja ta’ Manfred Galdes minn Direttur tal-Financial Intelligence Analysis Unit hija waħda serja u li tpoġġi aktar pressjoni fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat fid-dawl tal-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti li għandhom fil-Panama ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

Fil-5 ta’ April li għadda, l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien qal fil-Parlament li l-FIAU – li jinvestiga każijiet ta’ ħasil ta’ flus – kien qed jinvestiga lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. Erba’ xhur wara dak li qal Edward Scicluna, rriżenja d-Direttur ta’ dan il-Unit li kien qed jinvestiga lill-id il-leminija u l-id ix-xellugija ta’ Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista qal li r-riżenja ta’ Galdes tpoġġi numru ta’ mistoqsijiet ġodda li Muscat għandu jirrispondi minnufih, fosthom jekk l-FIAU temmitx l-investigazzjoni tagħha dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi. Tqum ukoll il-mistoqsija jekk ir-rapport li sar mill-FIAU ġiex preżentat lill-Kummissarju tal-Pulizija u jekk iva, meta sar dan.

Il-Partit Nazzjonalista staqsa wkoll jekk il-Kummissarju tal-Pulizija ħax passi fuq ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet l-FIAU u jekk Muscat, Schembri u Mizzi għandhomx kopja ta’ dan ir-rapport. Qed issir ukoll il-mistoqsija jekk Muscat hux lest li jippubblika dan ir-rapport ta’ investigazzjoni fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi.