Missier ġie kkundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati li kkorrompa lil bintu ta’ 10 snin.
Hu kien akkużat li bejn Jannar 2015 u Frar 2016 ikkorrompa lil bintu permezz ta’ għemili ħżiena. Apparti minn hekk, hu nstabulu wkoll xi materjali indiċenti ta’ stampi ta’ persuni minorenni. Filfatt, fil-bidu ta’ Marzu li għadda hu kien ammetta mill-ewwel u kien reġa’ kkonferma kollox nhar it-12 ta’ April.
Ftit taż-żmien ilu, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, ordnat li jsir rapport mill-Psikjatra Dr Joseph Cassar. Ir-rapport ikkonkluda li għalkemm il-missier ma jbatix minn psikożi u li allura jifhem l-akkużi kollha miġjuba kontrih, hu ibati minn ansjetà kronika u li tista’ tiġi kkontrollata bil-mediċina u b’visti regolari għand il-psikjatra tiegħu.
Il-Qorti ordnat ukoll il-protezzjoni tal-minorenni għat-tliet snin li ġejjin.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur John Spiteri.
//= $special ?>