Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’serjetà kbira d-dikjarazzjonijiet tal-eks Assistent Direttur tar-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz de Paul li, waqt konferenza tal-aħbarijiet, għamel akkużi ta’ negliġenza fit-trattament tal-anzjani, diskriminazzjoni politika, kif ukoll kunflitt ta’ interess fit-tmexxija tal-istess residenza – hekk stqarret ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici f’kumment li tat lil Net News.
Paula Mifsud Bonnici qalet li l-allegazzjonijiet li saru huma serji u jsejħu għal spjegazzjoni dettaljata minn naħa tal-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, kif ukoll investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet kollha li għamel Denis Tanti, li sa ftit jiem ilu kien għadu jaħdem f’din ir-residenza.
Fi stqarrija marbuta mal-każ ta’ San Vinċenz De Paul, il-fergħa Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalsita, qalet li dak li ġie żvelat juri kemm fit-tmexxija ta’ ħafna mill-entitajiet u dipartimenti tal-Gvern hemm nies inkompetenti li moħħhom mhux biex jaraw kif se jmexxu l-entita’ responsabbli minnha iżda moħħhom biss biex jaraw kif se jiddiskriminaw fost l-impjegati tagħhom abbażi tal-kulur politiku tagħhom.
Sfortumnatament il-Gvern ħatar fit-tmexxija ta’ ħafna mid-Dipartimenti tiegħu, nies li l-unika kompetenza tagħhom hija li fl-aħħar elezzjoni jew ivvutaw Labour jew għenu lil Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni. .
Dan l-aħħar skandlu jitlob risposti u azzjoni minnufih min naħa tal-Ministeru responsabbli. Ma jistax ikun li bħal fl-iskandli l-oħra, l-Gvern jistaħba mill-ġurnalisti għal numru ta’ ġimgħat u ġranet bit-tama li l-poplu jinsa u risposti qatt ma jingħataw.
Ta’ min jinnota wkoll li l-whistle blower f’dan il-każ mhux talli kien protett meta rraporta l-abbuż iżda talli ingħata transfer fejn ma seta’ jagħmel xejn għal xhur sħaħ.
//= $special ?>