Kultant, bħala pajjiż, aħna għandna t-tendenza li naħsbu li kull ma jsir minn pajjiżi oħrajn hu aħjar minn tagħna, u għalhekk ħallina mmaqdru u nbaxxu dak kollu li hu Malti. Jiġifieri ħafna minna għandna idea fissa li ta’ ħaddieħor hu dejjem aħjar minn tagħna.
Hawn oħrajn, li naħseb li huma minoranza, li bil-maqlub ta’ dan ir-raġunament, mingħalihom li pajjiżna hu ċ-ċentru tad-dinja u li aħna dejjem fit-tajjeb u ħaddieħor ħażin. Allura erħilna niġġudikaw u nikkundannaw.
Hu ċar li, bħal f’kollox, is-sewwa jinsab fin-nofs ta’ dawn iż-żewġ estremi. Fl-aħħar ġimgħat għamilt perjodu fil-kapitali Ingliża u, bħal dejjem, għalkemm kont għal vaganza, segwejt aktar mill-qrib dak li kien qed jiġri f’dak il-pajjiż. Kien hemm ħafna affarijiet li laqtuni u li b’xi mod ġiegħluni nikkonfrontahom ma’ xi ġrajja simili li seħħet f’pajjizna u hawnhekk, illum, se nirreferi għal tliet eżempji li ġew f’moħħi kważi b’mod awtomatiku.
Uffiċjal pubbliku tattakka fuq Facebook
Angela Gibbins hi uffiċjal tal-British Council, l-organizzazzjoni tal-gvern biex tippromwovi lill-Gran Brittanja u l-kultura tagħha madwar id-dinja. Din l-organizzazzjoni hi mħallsa minn flus il-poplu u hi skrutinata mill-awdituri tal-Gvern Ingliż.
Malta għandha storja twila ta’ rabtiet mal-British Council u kienu ħafna l-Maltin li gawdew minnha, b’mod speċjali permezz ta’ scholarships.
Mela din Gibbins, li għandha taħt il-ħarsien tagħha l-propjetajiet tal-British Council madwar id-dinja, dan l-aħħar kitbet fuq Facebook kummenti dwar il-Prinċep George ta’ tliet snin, iben il-Prinċep William u martu Kate.
Gibbins qalet, fost l-oħrajn, li jekk tħares lejn ritratt ta’ dan it-tfajjel mill-ewwel tinduna li dan hu privileġġjat, li jgħix b’fondi pubbliċi u li hu “irjali, sinjur u vantaġġjat…żgur li qatt mhu se jkun jaf x’inhi tbatija f’ħajtu”.
Meta kien hemm min weġibha fuq Facebook, il-kumment tagħha kien: “Jiena sod fi twemmini ta’ soċjalista, atea u repubblikana”.
Malli sar jaf b’dan, il-British Council mill-ewwel ikkummenta li għalkemm Gibbins għamlet dan il-kumment fuq sit tagħha personalment u, għaldaqstant, il-kummenti espressi hemmhekk huma tagħha biss u bl-ebda mod ma jirrappreżentaw il-fehma tal-British Council, mill-ewwel infetħet inkjesta biex tkun deċiża r-responsabbiltà ta’ Ms. Gibbins u, eventwalment, x’passi għandhom jittieħdu kontra tagħha.
Dan l-inċident fakkarni f’għadd ta’ uffiċjali ta’ entitajiet pubbliċi f’pajjiżna li għaddew kummenti diżgustanti fuq Facebook. Jiġu f’moħħi Jason Micallef, Mario Philip Azzopardi, Philip Rizzo u Joe Grima, fost l-oħrajn, li għalkemm żgarraw bl-ikrah kollox baqa’ għaddej qiesu ma ġara xejn.
Fuq kollox, iżda, hemm wieħed li l-pożizzjoni tiegħu ġġibu l-ħin kollu qrib il-Prim Ministru u minn ħin għall-ieħor jgħaddi kummenti dispreġġattivi – jew agħar minn hekk – fuq nies li ma jaqblux mal-partit tiegħu… u d-doża qiegħda dejjem tikber. Meta l-Prim Ministru nġibditlu l-attenzjoni hu qal li ma kien lest li jxekkel il-libertà ta’ ħadd!
F’idejkom biex taraw id-differenza.
L-involviment Ċiniż fi proġett tal-enerġija
Il-ġimgħa l-oħra kellu jsir f’Londra l-iffirmar ta’ ftehim li permezz tiegħu kumpanija Franċiża (EDF), u oħra Ċiniża (CGN) – it-tnejn kumpaniji tal-istat – jintrabtu li sal-2025 jipprovda lir-Renju Unit impjant nukleari tal-enerġija f’Somerset, magħruf popolarment bħala Hinkley Point C.
Kienu diġà ħejjew kollox għaċ-ċerimonja tal-iffirmar. Sal-ikla ċelebrattiva kienet tħejjiet. U l-inviti ħarġu wkoll. F’daqqa waħda, lejlet l-iffirmar, Theresa May, il-Prim Ministru l-ġdida tal-Ingilterra, waqqfet kollox u pposponiet l-iffirmar.
Din il-power station suppost li għandha tipprovdi enerġija għal 7% tal-poplu Ingliż, biżżejjed għal 5.8 miljun residenza.
Biex dan il-proġett ikun jista’ tabilħaqq jitwettaq se jkunu meħtieġa biljuni ta’ liri f’sussidji mifruxa fuq 35 sena bi spiża medja ta’ €37 kull dar kull sena.
L-aktar li wassal lil May għad-deċiżjoni li tipposponi, iżda, jidher li kien l-involviment Ċiniż fi proġett ta’ din in-natura. Għalkemm ma ntqalx uffiċjalment x’wassal għal dan il-posponiment, il-media Ingliża qalet li May hi mħassba ħafna dwar deċiżjonijiet simili li tħoss li “jistgħu jimminaw is-sigurtà tal-pajjiż”.
Meta kienet għadha ministru tal-intern, Theressa May kienet soda ħafna dwar kemm l-Ingilterra kellha tkun aktar ġeneruza fil-ħruġ ta’ visas lil negozjanti Ċiniżi u, saħansitra, “qatt ma kienet sodisfatta bil-ftehim ta’ sħubija li l-kumpanija Ingliża tat-telekomunikazzjoni BT għamlet mal-Huawei”.
Issa nħalli f’idejkom ukoll biex tqabblu dan il-mod kif pajjiż relattivament kbir bħall-Ingilterra qed jaġixxi fil-konfront tal-ġgant Ċiniż, u kif imxiet Malta – sa mill-ewwel ġimgħa ta’ din l-amministrazzjoni laburista – fil-qasam tal-enerġija. Infakkar biss li f’dik li kienet l-Enemalta, iċ-Ċiniżi mhux 7% għandhom (bħal fil-każ tal-power station nukleari fl-Ingilterra) iżda 33%.
Intant, ta’ min jgħid li dwar il-ftehim li kien intlaħaq bejn iċ-Ċiniżi u l-Gvern Ingliż rigward dan l-impjant nukleari, il-Gvern Ċiniż innifsu kien ħa passi kontra Xu Yongsheng, il-Kap tal-Amministrazzjoni tal-Enerġija (firmatarju tal-memorandum of understanding) u akkużah b’korruzzjoni ta’ 600,000 Sterlinja. Gazzetti u media oħrajn kienu qalu li qabel ma tressaq il-qorti għal ġuri b’bibien magħluqa, dan l-uffiċjal kien ukoll torturat bl-ikrah.
Għax snin qabilhom!
Fl-aħħar jiem, diversi gazzetti Ingliżi kienu kollha eloġji għad-deċiżjoni li kien ħa l-Gvern Ingliż sena ilu li jġiegħel lis-supermarkets jiċċarġjaw 5p lill-klijienti tagħhom għall-boroż tal-plastik, u dan għaliex tat riżultati eċċezzjonali.
Minn konsum annwali ta’ 7.5 biljun borża plastik dan niżel, għal bejn wieħed u ieħor, 1.5 biljun – tnaqqis ta’ sitt biljun borża f’sena waħda biss.
Min għadu jiftakar li Malta kienet ħadet din id-deċiżjoni fl-2005? Tiftakru kemm il-Labour kien rikeb fuq dik iċ-ċirkustanza biex jieħu vantaġġ politiku? Tiftakru kemm Joe Mizzi kien attakka lil George Pullicino dwar dik id-deċiżjoni għaqlija u bis-sens iżda xejn popolari?
Illum il-boroż tal-plastik f’pajjiżna huma xi ħaġa tal-passat remot u meta tqis li aħna kellna l-foresight u r-rieda li nagħmlu dan il-pass proprju għaxar snin qabel l-Ingliżi allura tassew tibda tgħid li mhux dejjem u mhux neċessarjament ħaddieħor aħjar minna f’kollox.
L-importanti li ma tilbsux in-nuċċali tal-pessimiżmu u ma taqilgħu qatt minn quddiem għajnejk.