Lokali

L-anzjani jixirqilhom l-ogħla standards mingħajr ebda diskriminazzjoni

B’referenza għat-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ liġi għat-twaqqif ta’ awtorità għal djar ta’ persuni anzjani, l-Partit Nazzjonalista jsostni li filwaqt li dan huwa pass tajjeb, huwa inutli li wieħed jitkellem dwar standards, meta fl-istess ħin iwaqqaf servizzi bħall-Homehelp, Meals on Wheels, kif ukoll numru ta’ Day Centres, flok ‘il quddiem marru lura. L-aktar ħaġa importanti għall-anzjani huma s-servizzi li jingħataw fil-komunità u li qalgħu daqqa ta’ ħarta f’dawn it-tliet snin minħabba deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern.

L-istandards huma importanti u kruċjali kemm fid-djar tal-anzjani fil-lokalitajiet kif ukoll f’San Vinċenz de Paul, iżda ħadd ma jemmen lil dan il-Gvern li qed jagħmel xi ħaġa biex jgħolli l-istandards, meta fl-istess ħin qed jiġi akkużat minn ħaddiema fl-istess djar tal-anzjani b’diskriminazzjoni politika u kunflitti ta’ interess. Din it-tip ta’ diskriminazzjoni mhux biss qed issir fost l-anzjani iżda anke fost il-ħaddiema fl-istess djar tal-anzjani, bl-akkużi ma jkunux biss ta’ diskriminazzjoni iżda ta’ atti li wasslu għal negliġenza fit-trattament tal-istess anzjani.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li fl-abbozz ippreżentant hemm indikat li l-maġġoranza tal-bord tal-awtorità msemmija għandu jinħatar mill-Ministeru. Dan ifisser li l-awtorità mhux veru se tkun awtonoma, kif mhijiex awtonoma u indipendenti l-Awtorità tal-Artijiet li waqqaf dan il-Gvern fil-ġimgħat li għaddew. Hu ċar li din il-liġi hija biss eżerċizzju ta’ propoganda, għaliex fil-verità, l-Gvern irid li jibqa’ jkun hemm l-indħil politiku fit-tmexxija tad-djar tal-anzjani.

Il-Partit Nazzjonalista hu favur li jgħolew l-istandards mhux biss bil-kliem, iżda bil-fatti, tant li anke l-Liġi dwar il-Ħajja Sana li ressaq il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni, tagħmel referenza għal standards ogħla għall-anzjani.