Internazzjonali

IL-PANAMA: Jitilfu l-fiduċja fl-inkjesta dwar il-‘Panama Papers’

Joseph Stiglitz, rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Ekonomija, irriżenja minn panel li kien inħatar mill-Gvern ta’ Panama b’rabta mal-‘Panama Papers’.
Ma’ Stiglitz irriżenja wkoll Mark Pieth, Żvizzeru espert fil-miżuri kontra l-korruzzjoni, wara li lmentaw dwar l-indħil li kien qed ikun hemm mill-Gvern tal-Panama fil-ħidma tagħhom. Huma qalu li l-indħil kien jammonta għal ċensura fil-ħidma li kienu qed jagħmlu.
Dan il-panel kien inħoloq riżultat tal-iskandlu tal-Panama Papers biex jirranġa s-settur finanzjarju fil-Panama.
Stiglitz qal li għall-ewwel emmen li l-Gvern tal-Panama ried jirranġa l-affarijiet imma wara ra li l-affarijiet mhumiex hekk. Hu qal li kienet xi ħaġa tal-iskantament kif il-Gvern ipprova jfixkel il-ħidma li kienet qed isir.