Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar li jingħataw il-permessi għall-bini għoli fl-Imrieħel u Tas-Sliema ġew ikkundannati bil-kbir mill-għaqdiet ambjentali non-governattivi – Din l-Art Helwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, u Ramblers Association.
Fi stqarrija, l-għaqdiet ambjentali stqarru li minkejja l-isforzi kbar li saru, billi tressqu oġġezzjonijiet dettaljati u validissimi mir-residenti, l-NGOs u l-esperti fis-settur – il-Bord xorta waħda baqa’ għaddej billi approva l-permessi kontroversjali li tressqu minn Gasan u Tumas Groups.
Il-Bord ġie ppreżentat b’viżwali tal-bini tal-Imrieħel li ma jurux il-verita’, fejn skont l-istess għaqdiet ġiet imressqa wkoll evidenza ċara li dawn ma urewx stampa vera iżda kienu juru l-interessi tal-iżviluppaturi. L-impatt fil-viżwal tal-veduta tal-Imdina hu impatt kbir u mhux wieħed moderat, kif ġie mistqarr mill-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar li bbażat d-deċiżjoni tagħha fuq informazzjoni mhux bilanċjata.
L-għaqdiet ambjentali stqarru li hi ta’ sfortuna li r-rappreżentant tal-Bord tal-Awtorita’ Ambjentali ma kienx preżenti fil-laqgħa u ma ġiex sostitut, u b’hekk tħalla vojt li seta jagħmel differenza kbira fir-riżultat tal-voti. Minkejja li r-rapport tiegħu nqara fil-laqgħa fejn stqarr li li l-viżwali preżentati ma urewx stampa vera, il-Bord ma laqgħax l-appell tiegħu.
Fl-istqarrija, l-NGOs ambjentali qalu li l-Bord irrifjuta li jieħu inkonsiderazzjoni li l-policy li tagħti l-permess għall-bini high rise fl-Imrieħel ma hijiex valida, hekk kif kien hemm ksur tal-proċedura legali. L-inklużjoni tal-Imrieħel fil-high-rise zone qatt ma ġiet imressqa għall-konsultazzjoni pubblika skont kif stabbilit mill-liġi Maltija u anke dik internazzjonali.
L-NGOs qalu li dan ma jawgurax tajjeb għat-22 applikazzjoni oħra ta’ bini high rise, fejn bħalissa wħud minnhom qed jitressqu wieħed wieħed biex jiġu diskussi – fejn turi l-urġenza għall-pjan fuq skala nazzjonali għall-bini high rise, qabel ma jiġu proċessati applikazjonijiet oħra.
L-għaqdiet ambjentali qalu huma baqgħu skantati għall-kliem ta’ Chris Bord, id-Direttur għall-Ippjanar, fejn iddikjara li l-bini high rise għandu impatt daqs bini ieħor baxx u medju, meta hu stat ta’ fatt li l-bini high rise iħalli dell akbar fuq il-bini tal-madwar li jimblokka d-dawl, l-arja u x-xemx, waqt li jżid it-temperaturi fit-toroq tal-madwar minħabba il-heat canyon effect. Il-bini high rise iħalli impatt ukoll bili joħloq problema ta’ parkeġġi, jiġġenera aktar storbju u tniġġis tal-arja, kif ukoll il-bżonn ta’ pedamenti aktar soda, b’konsum akbar ta’ riżorsi minħabba lifts, u arja kkondizjonata.
L-NGOs temmu jgħidu li dawn il-proġetti huma inaċċettabli, massivi u b’implikazzjonijiet għall-perjodu twil fuq ir-residenti ta’ Tas-Sliema, Ħ’Attard, Ħal-Balzan, Birkirkara u Santa Venera, kif ukoll fuq is-soċjeta’ Maltija inġenerali.
F’reazzjoni ghal din l-istqarrija tal-ghaqdiet ambjentali, l-Awtorita’ tal-Ippjanar fi stqarrija qalet li l-kumment tad-Direttur tal-Ippjanar Chris Borg ġie misinterpretat dwar il-high rise projects.
L-Awtorita’ qalet li fil-kumment li ta lill-PBS, Chris Borg kien qed jirreferi kif dan il-bini high rise ikollu impatt tas-servizzi tal-ilma, drenaġġ u dawl fl-istess livel ta’ binjiet baxxi u medji.
//= $special ?>