BLOGS

Mentalità korrotta

L-iskandlu li ġie żvelat nhar il-Ħadd li għadda mis-Sunday Times ta’ Malta hu kapitlu ieħor ta’ mistħija għal dan il-Gvern Laburista dilettantesk immexxi minn politiku korrott li kien wiegħed politika nadifa u minflok, kif jiktbu diversi kummentaturi, hu l-aktar gvern maħmuġ bil-korruzzjoni li qatt kellna f’Malta. U dan f’temp ta’ tliet snin biss.
Neville Gafà allegatament mexxa skema korrotta li permezz tagħha diversi Libjani kienu jinġiebu Malta għall-kura bi ħlas u li l-istess Gafà ggwadanja minn din l-iskema personalment. U dan sar meta kien parti mill-amministrazzjoni tal-Gvern f’Kastilja. L-istess Gafa’ li hu wieħed minn tal-qalba fil-klikka ta’ Joseph Muscat għadu jaħdem bħala person of trust irrespettivament tal-allegat att ta’ korruzzjoni
Qed ngħixu fi żmien ta’ periklu kbir għall-politika f’Malta. Tant qed nisimgħu bi skandli li hawn min m’għadux jeħodhom bis-serjetà, xi ħaġa li kienet ippjanata fir-road map djabolika ta’ Joseph Muscat. Ktibt kemm-il darba li l-attitudni ta’ xejn m’hu xejn, li kollox jgħaddi jew b’daqshekk x’ġara qed tinfetta l-ħajja pubblika u jkun żball kbir jekk il-poplu ma jarax dan il-periklu u jibda jieħu azzjoni konkreta biex jilqa’ għad-deni li qed isir lis-soċjetà tagħna.

Jaqgħu u jqumu
Meta jinkixef skandlu l-forums fuq il-midja online malajr jiżvelaw kemm partitarji Laburisti draw jaqgħu u jqumu minn dak li jkun jiġi allegat u jdawwru d-diskussjoni b’mod partiġjan favur it-tajjeb li qed jagħmel il-Gvern Laburista, donnhom li huma ġew ikkundizzjonati li m’hemm xejn ħażin li politiku l-ewwel jaħseb f’butu, basta xorta waħda jagħmel xi ġid.
Il-messaġġ li jmexxu ċerti individwi Laburisti online ripetutament hu li l-korruzzjoni hi parti mill-politika u meta dawn l-istess idividwi jsibu ruħhom darhom mal-ħajt jallegaw li gvernijiet Nazzjonalisti għamlu l-istess fi żmienhom. Jinsew li Joseph Muscat kien wiegħed l-aktar amministrazzjoni nadifa li qatt kellu pajjiżna.
Il-verità hi li l-eżempju jkaxkar u Joseph Muscat ta eżempju għalkollox korrott lis-segwaċi tiegħu kemm fl-imġiba korrotta tiegħu fil-każ bikri tal-Cafè Premier, fil-każ serju u kriminali ta’ Cyrus Engerer, kif ukoll fl-attitudni li wera fil-każ ta’ dak li kien ġie żvelat fil-Panama Papers. Muscat abbuża mill-lealtà tas-supporters ġenwini tiegħu u dawn isibuha diffiċli li jinħallu mill-obbligi tagħhom lejn il-partit tagħhom kif jifmuhom huma.

Ebda dissent
Biex tagħqad il-voti li ttieħdu fil-Parlament f’kull każ li jinvolvi l-korruzzjoni ma kien hemm l-ebda dissent fost id-deputati Laburisti, imġiba li rrinforzat l-imġiba tal-partitarji, li jagħmel x’jagħmel Mizzi jew Schembri jew xi kapurjun ieħor Laburista, dmirna hu li niddefendu l-partit tagħna fil-gvern.
Xi ħaġa li nnutajt fil-każ ġdid li jinvolvi lil Neville Gafà hi li tant indrat il-korruzzjoni f’kull livell ta’ din l-amminstrazzjoni korrotta, li numru ta’ partitarji Laburisti jħossu li huma fid-dmir li juru solidarjetà mal-allegat persuna nvoluta fil-korruzzjoni.
Din hi solidarjetà perversa għall-aħħar. Gafà flok ma assigura lis-segwaċi tiegħu fuq il-Facebook li minn dak kollu li kien qed jiġi allegat m’hemmx xintilla ta’ verità, fetaħ il-paġna b’messaġġ newtrali: “Inkomplu naħdmu ħbieb”. Min ma jistax jaqbel ma’ dak ix-xorta ta’ messaġġ? Iżda jien f’dak il-messaġġ qrajt il-messaġġ subliminali li ta Joseph Muscat kull darba li ġie ffaċċjat b’akkużi serji ta’ korruzzjoni, li basta naħdmu u naqdu, il-bqija ninjorawh.
Il-messaġġ ta’ Gafà kellu rispons minn numru ta’ ħbieb u b’tislima ta’ sempliċi Bonġu waqt li oħrajn assigurawh li għamel x’għamel: “Aħna warajk sieħbi, ejja ħa nagħtu risposta jien u int lil tal-PN” u “Kompli għaddej bħalma dejjem għamilt u ħallihom jgħidu Neville”.

Baqgħu leali

Dawn it-tip ta’ risponsi juru mentalità għalkollox korrotta. Juru kemm fost l-elettorat għandna min għalih is-sewwa ma tiswa xejn. Din mhux xi ħaġa ġdida għax fil-passat rajna kif eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin baqgħu leali għall-gvernijiet Laburisti mmexxija minn Dom Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici. B’dak li kien sar f’dawk iż-żminijiet, partikularment bil-vjolenza politika, ir-rebħiet tagħna kellhom ikunu wisq aktar konvinċenti.
Kien hemm kumment fuq il-forum miktub minn Justine Caruana, Segretarju Parlamentari. Bħal ħaddieħor Justine għandha kull dritt li tikteb li trid u fejn trid. Mid-dehra tkaxkret mill-eżempji li ta Joseph Muscat. Il-kumment tagħha kien: “Iktar minn qatt qabel.”

Xogħol diffiċli
Dan b’riferenza għal kumment ta’ Gafà: “Inkomplu naħdmu ħbieb.” Inqabdet fin-nassa ta’ Gafà u tatu s-sodisfazzjon li dak li kien qed jiġi allegat dwaru għandu jiġi injorat, basta jibqa’ jaħdem u jżid id-doża.
Bħala Segretarju Parlamentari Justine taf li dak li tgħid u tikteb għandu portatura ferm aktar wiesgħa u konvinċenti għas-segwaċi tagħha u tal-Partit Laburista. Dawk li jridu jibqgħu mgħaddsa fl-għama li taħbi għalkollox il-korruzzjoni taħt dan il-Gvern, sabu fil-kumment ta’ Justine xpruna oħra biex ikomplu fit-triq ta’ solidarjetà perversa.
Dan ix-xenarju jkompli jagħmel xogħol l-oppożizzjoni aktar diffiċli. Irridu nkomplu ntambru fuq is-sewwa, fuq l-indafa politika u fil-ħajja pubblika, fuq it-tħejjija serja għal dawk li jidħlu għall-vokazzjoni politika. Ma noqgħodux nistennew li se nsibu sapport minn kulħadd.
Hawn min qed jagħmel il-parti tiegħu iżda hawn ukoll min hu responsabbli li jwissi fuq il-kruha u fuq il-periklu tal-korruzzjoni u l-mod kif din tista’ tindara, li jippreferi li jibqa’ kwiet u mans. Sta għal kull wieħed u waħda minnha li nidħlu għal din il-missjoni – inaddfu l-ħajja pubblika mill-inkubu tal-korruzzjoni.