Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara inċident bil-mutur fi triqtu lejn Għawdex

Ritratt: Arkivji

Ilbieraħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija, seħħ inċident tat-traffiku bejn mutur u karozza fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa.

Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li għal xi raġuni kienet seħħet ħabta head-on bejn mutur tat-tip Yamaha u karozza tat-tip Volkswagen.

Jidher li l-karozza kienet qiegħda tinstaq fid-direzzjoni lejn il-Mellieħa minn mara ta’ 45 sena, residenti l-Mosta, filwaqt li l-mutur, misjuq minn raġel ta’ 27 sena, residenti ż-Żurrieq, kien sejjer lejn il-vapur t’Għawdex.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Il-mara ta’ 45 sena ma sofriet l-ebda ġrieħi.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

Bħalissa, parti mit-triq fid-direzzjoni lejn il-vapur t’Għawdex tinsab magħluqa għat-traffiku.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.