Lokali

It-tanker tal-gass huwa vendikazzjoni mal-familji ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk

It-tanker tal-gass li Muscat, ix-xahar li ġej, se jpoġġi fil-bajja ta’ Marsaxlokk, huwa vendikazzjoni tal-istess Muscat mal-familji u n-negozji ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk. Huwa wkoll il-monument tal-korruzzjoni ta’ Muscat, għaliex wara dan it-tanker hemm iż-żewġ persuni li nqabdu li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Dan qalu l-kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101. Simon Busuttil qal li bejn l-għażla tal-interessi personali tiegħu u l-interess tar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, Muscat qed jagħżel l-interessi personali tiegħu.

Hu ddeskriva dan it-tanker bħala daqqa ta’ ħarta kbira għar-residenti, u dan għaliex pajjiżna m’għandux bżonn dan it-tanker tal-gass għaliex pajjiżna għandu l-infrastruttura neċessarja għall-enerġija f’pajjiżna, fost l-oħrajn b’Power Station ġdida li bdiet taħdem fl-aħħar tal-2012, kif ukoll interconnector ġdid.

Simon Busuttil qal li daqqa ta’ ħarta oħra lill-kredibilità ta’ pajjiżna huwa l-fatt li biex jinawgura dan it-tanker, Muscat ħa miegħu lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, li suppost keċċihom u mhux ħadhom miegħu Singapore.

Pajjiżna jinsab fi stat ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata

Simon Busuttil spjega li s-silenzju tal-Prim Ministru dwar ir-riżenja tad-Direttur tal-FIAU – l-aġenzija li tinvestiga l-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus – hija konferma ta’ kemm pajjiżna jinsab fi stat ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata. Hu fakkar li f’April li għadda, l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien ikkonferma fil-Parlament li din l-aġenzija kienet qed tinvestiga liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi wara li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrepeta numru ta’ mistoqsijiet li l-poplu Malti u Għawdxi jistħoqqlu tweġiba għalihom:
-L-investigazzjoni tal-FIAU dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi tlestiet?
-X’inhuma l-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni?
-Veru li r-rapport tlesta u ntbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex dan jieħu passi kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi?
-Veru li jumejn wara li ntbagħat dan ir-rapport, Michael Cassar irriżenja minn Kummissarju tal-Pulizija?
-Veru li l-Kummissarju attwali Lawrence Cutajar ma ħax passi fuq dan ir-rapport li hu wiret?

Simon Busuttil qal li għaddiet kważi ġimgħa mir-riżenja tad-Direttur tal-FIAU, iżda l-Prim Ministru baqa’ silenzjuż. Hu sostna wkoll li l-Gvern mhux talli qed jgħalaq għajnejh għall-korruzzjoni, iżda talli qed jgħalaq ħalq l-istituzzjonijiet biex ma jinvestigawx il-korruzzjoni.

Hu fakkar li l-wegħda tiegħu hi li jnaddaf is-sistema politika f’pajjiżna darba għal dejjem.

Muscat ipoġġi l-interess personali qabel is-sigurtà ta’ pajjiżna

Simon Busuttil qal ukoll li s-silenzju tal-Prim Ministru dwar l-iskandlu tal-ħruġ tal-visas mediċi lill-Libjani huwa konferma tal-fatt kemm Muscat ipoġġi l-interessi personali tiegħu qabel is-sigurtà ta’ pajjiżna. Hu fakkar li s-600 visas mediċi lill-Libjani li nħarġu f’sena waħda biss huma ferm aktar minn numru ta’ visas mediċi li nħarġu lil persuni Libjani fiż-żmien tar-rivoluzzjoni fil-Libja fl-2011.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li s-sena li għaddiet, waqt laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà ta’ pajjiżna, hu kien qajjem dan il-każ tal-visas mediċi, iżda sa sena wara, l-Gvern baqa’ ma għamel xejn. Hu sostna li dan l-iskandlu joħloq riskji fuq is-sigurtà ta’ pajjiżna għaliex inħarġu visas lil persuni Libjani – li ġejjin minn pajjiż fejn qed isiru bumbardamenti kontra t-terroristi tal-ISIS – mingħajr ma saru l-verifiki neċessarji fuq dawn l-individwi.

L-ambjent f’pajjiżna ġie relegat għat-tieni diviżjoni

Fir-reazzjoni tiegħu għad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tagħti l-permess biex jinbnew ħames torrijiet – erba’ fl-Imrieħel u wieħed f’Tas-Sliema – l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan hu l-ewwel riżultat tal-qasma fil-MEPA, li biha, l-ambjent ġie relegat għat-tieni diviżjoni.

Simon Busuttil fakkar li r-responsabbiltà hi tal-Prim Ministru li kien hu li f’Lulju tas-sena li għaddiet, mar fil-Parlament, biex neħħa l-ambjent mill-Awtorità tal-Ippjanar, tant li fid-deċiżjoni ta’ nhar il-Ħamis li għadda, l-Awtorità tal-Ambjent kienet assenti mid-deċiżjoni dwar it-torrijiet. Hu fakkar li kienu n-nies u l-Partit Nazzjonalista – permezz tad-Deputat Ryan Callus – li ddefendew l-ambjent ta’ pajjiżna. Ryan Callus ivvota kontra l-permess lil dawn it-torrijiet għaliex fil-każ tal-Imrieħel, se tiġi affetwata l-veduta ta’ Malta, waqt li fil-każ ta’ Tas-Sliema, l-iżvilupp mhuwiex wieħed raġonevoli.

Fil-bidu tal-kollegament telefoniku, Simon Busuttil sellem u awgura kull suċċess lill-atleti Maltin li qed jipparteċipaw fl-Olimpjadi fil-Brażil.