Wara li l-eks assistent direttur fid-divizjoni tas-Saħħa Denis Tanti kixef diversi episodji ta’ aġir diskriminatorju mill-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paul Josianne Cutajar, iktar persuni li kienu jew għadhom jaħdmu fir-Residenza ikkuntattjaw lil dan is-sit jirrakkontaw kazi oħrajn.
Kif jixhdu l-każi li żvela Denis Tanti iktar kmieni din il-ġimgħa, il-ħaddiema fir-Residenza San Vinċenz huma trattati skont is-simpatiji politiċi tagħhom. Għaldaqstant, il-persuni li tkellmu magħna xtaqu jibqgħu anonimi.
Il-Persuni li tkellmu ma’ Net News qalu li fl-aħħar xhur kien hemm mill-inqas disa’ rapporti ta’ assenteiżmu b’mod regolari.
Madanakollu, minkejja li kienu nfurmati formalment, it-tmexxija tar-Residenza San Vinċenz de Paul ma ħadet ebda azzjoni kontra dawn il-persuni.
Iktar kmieni din is-sena seħħ każ ieħor ta’ aggressjoni meta uffiċjal fi grad għoli donnu ħebb għal ħaddiem ieħor li kien qed isegwi struzzjonijiet minn ta’ fuqu.
Anki hawnhekk, minkejja li din l-aggressjoni saret quddiem xhieda, ma ttieħdu ebda passi fil-konfront ta’ dan l-uffiċjal.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, feġġew każi ta’ kif l-amministrazzjoni tad-dixxiplina f’San Vinċenz de Paul qed issir b’mod diskriminatorju, skont jekk il-persuna hix minn tal-qalba jew le.
Wara li Denis Tanti ħareġ fil-pubbliku, iktar persuni qed jikkuntattjaw lil dan l-istazzjon b’iktar każi dokumentati li se nkunu qed inxandru fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>