Il-Prim Ministru tal-Belġju, Charles Michel, qal li l-awtoritajiet Belġjani qegħdin immexxu inkjesta terroristika b’konnessjoni mal-attakk ta’ nhar is-Sibt f’Charleroi fejn raġel armat b’machete attakka u darab lil żewġ pulizjotti nisa.
L-aggressur spiċċa maqtul minn pulizija li fetaħ in-nar għal fuqu, bl-aġir tiegħu jkun l-aħħar f’sensiela ta’ attakki minn militanti Iżlamiċi madwar l-Ewropa. Fil-fatt, il-grupp terroristiku ISIS qal, ftit ilu, li l-attakk partikulari f’dik il-belt Belġjana twettaq ‘minn wieħed mis-suldati tiegħu’.
Il-prosekuturi Belġjani qed isostnu li l-aggressur f’Charleroi kien Alġerin ta’ 33 sena li kien ilu residenti fil-Belġju mill-2012. Dan waqt li l-Prim Ministru Michel ħeġġeġ biex in-nies jibqgħu viġilanti, fost il-konferma li l-prosekuturi federali jinsabu għaddejjin bl-inkjesta dwar ‘attentat ta’ omiċidju bi skop terroristiku.’
Michel spjega li ċerti fatturi jissostanzjaw din l-investigazzjoni, b’mod partikulari l-fatt li l-aggressur instama’ jgħajjat Allahu Akbar waqt li kien qed jaggredixxi lill-pulizjotti quddiem l-għassa ewlenija ta’ Charleroi.
Din il-belt kienet serviet bħala l-bażi għal terroristi tal-ISIS li kienu involuti fit-terroriżmu ta’ Novembru fi Franza kif ukoll fl-attakki terroristiċi li saru fuq ajruport u l-metro ta’ Brussell aktar kmieni din is-sena.
//= $special ?>