Il-Mument fi storja tal-ġurnalist Joe Mikallef tiżvela aktar fatti skomdi għall-Korp tal-Pulizija fir-rigward tal-arrest, l-interrogazzjoni u d-detenzjoni tan-Nutar Anthony Hili fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija f’Mejju li għadda.
Lin-Nutar Anthony Hili tul il-kważi 48 siegħa li dam arrestat, umiljawh u neżżgħuh għal darba, darbtejn bl-iskuża li kienu qed josservaw “il-proċeduri stabbliti”.
L-arrest tan-Nutar Anthony Hili – li kulmin jafu jaf tajjeb kemm hu ġentlom, kwiet, tal-affari tiegħu u serju f’xogħlu – kien bl-iskop preċiż li jġagħluh jgħid affarijiet li ma setax jistqarr.
Ripetutament kien mistoqsi dwar sitwazzjonijiet li hu baqa’ sod dwarhom. Dan minkejja l-għajjat u xi drabi t-tisbit fuq il-mejda. Min interroga lin-Nutar Hili, l-ewwel għażel it-tattika tal-kliem ħelu li jekk tikkollabora magħna l-affarijiet ifittxu jgħaddu b’wiċċ il-ġid, iżda meta n-Nutar Hili ma waqax għal din it-trappola u kien sod fi kliemu, il-Fizzjali li kienu qed jinterrogawh bdew jitrattaw miegħu b’mod ħażin ħafna ħafna.
Mill-informazzjoni li għandha il-gazzetta Il-Mument, dawn il-Fizzjali li interrogaw lin-Nutar Hili kellhom direzzjoni ċara ħafna li mingħand in-Nutar Hili riedu joħorġu dikjarazzjoni partikulari. Iżda konsistentement, minkejja t-ton ta’ theddid, in-Nutar Hili fl-ebda ħin ma ċeda għall-pressjonijiet li kienu qed isiru fuqu. Il-ħin kollu stqarr il-verità u fl-ebda ħin ma tħalli li jitpoġġa f’fommu kliem kif xtaquh jgħid il-Fizzjali li interrrogawh. In-Nutar Anthony Hili li ripetutatment enfasizza li hu qatt ma kien iltaqa’ ma’ Marco Gaffarena jew ma xi ħadd ieħor mill-familja Gaffarena.
In-Nutar Anthony Hili, li hu Għawdxi minn Ta’ Sannat, kompla jistqarr mal-Fizzjali li kienu qed jinterrogawh li waqt li hu fassal il-kuntratti fil-każ ta’ Strada Zekka, dejjem kien ikun ippressat minn Clint Scerri li kien jaħdem fis-Segretarjat Privat tal-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
Minkejja l-istat li rriduċewh fih – fejn anki neżżgħuh minn ħwejġu għal darba, darbtejn – u minkejja li ma ħallewhx ikellem lill-qrabatu nkluż lill-mara tiegħu – xorta waħda baqa’ sod u dan wassal għal frustrazzjoni kbira fost il-Fizzjali li interrogawh li ma setgħux jgħoġbu lil ta’ fuqhom!
Ittieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana
In-Nutar Hili tul il-ħin li nżamm arrestat mill-Pulizija, ħadha bi kbira ħafna. Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li n-Nutar tal-Gvern kien konxju tal-logħba maħmuġa li kienet qed tintlagħab fil-konfront tiegħu iżda għaliex hu innoċenti għażel li ma jbaxxix rasu għall-mod xejn sabiħ kif kien qiegħed ikun stmat.
Madankollu din il-gazzetta għandha informazzjoni li ma ħaddieħor li ‘għen’ fl-istess investigazzjoni l-Pulizija ma mxewx bl-istess mod. “Ħaddieħor li ntalab jagħmel xi dikjarazzjoni ma sabx lil min jgħajjat miegħu, jew lil min isabbat fuq il-mejda f’wiċċu… jew lil min jeħodlu t-telefown ċellulari!”
Tant in-Nutar Anthony Hili ħassu umiljat u ma jiflaħx kaġun tat-trattament li ngħata, li kellu jispiċċa jittieħed għall-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.
Kieku n-Nutar tal-Gvern Anthony Hili, kien trattat b’mod professjonali u serju żgur li ma kienx ikollu fuqu xokk kbir ħafna tant li jispiċċa għall-kura.
Ħsieb li jkun avviċinat biex jiċħad l-istorja żvelata
Minn informazzjoni kunfidenzjali li waslet għand il-Mument jirriżulta li fl-aħħar xhur u ġimgħat ħajjet in-Nutar Anthony Hili fid-Dipartiment tal-Artijiet saret diffiċli ħafna. Mhux biss iqisulu l-passi kollha li jagħmel u ma hu fdat assolutament xejn, iżda qed issir pressjoni sottili fuqu bl-iskop li jdabbar rasu.
S’issa n-Nutar Anthony Hili rnexxielu jirreżisti dan l-attakk sottili fuqu u dawk li huma qrib tiegħu qed joħorġu għonqhom għalih u jiddeskrivuh bħala Nutar serju, tal-affari tiegħu, integru u professjonali.
Nhar it-Tnejn stess kien hemm min fid-Dipartiment tal-Artijiet min ssuġġerixxa li tingħata dikjarazzjoni lin-Nutar Hili biex jiffirmaha u li din tkun tgiddeb ir-rapport żvelat minn il-Mument.
//= $special ?>