BLOGS

It’s the economy, Joseph!

Ma naqbilx assolutament mal-argument li jġibu ħafna li fil-ħajja bil-flus la tgħannaq u lanqas tbus, għax fir-realtà minkejja li l-flus għandhom importanza evidenti fil-ħajja tal-lum, lil hinn minn dak kollu materjalistiku hemm kunsiderazzjonijiet li l-bniedem, jekk imqiegħed f’sitwazzjoni li jagħżel, aktarx jasal jagħżel dawn tal-aħħar qabel il-flus.

Għalhekk, ilkoll nistgħu nintebħu li dan il-Gvern, diment li pajjiżna sejjer tajjeb fl-ekonomija qiegħed jinsa jassumi r-responsabbiltà tal-kunsiderazzjonijiet li lill-bniedem jagħtuh ħajja diċenti. Minkejja li l-ekonomija ddawwar is-sies tal-għajxien tal-familji Maltin, l-ebda Gvern ma għandu jassigura li la darba r-rota qed iddur, allura kollox riħ fl-impoppa.

Serħan il-Moħħ:
Fid-dawl tal-ġrajjiet terroristiċi li seħħew lil hinn minn xtutna, f’pajjiżi li jagħmlu wkoll parti mill-Unjoni Ewropea bħalna, ikun għaqli biżżejjed li l-Gvern iserraħ moħħ il-poplu mhux biss bil-kliem imma bil-fatti, u għaldaqstant, skandli li jkomplu jinvolvu l-ħruġ tal-visas min-nies qribu jkomplu jimminimaw il-fiduċja fil-governanza li kellha tkun tal-ogħla livell.

Mhux biex nallarmaw, imma biex inkunu realistiċi. Il-Maltin għandhom għax jitħassbu li l-Gvern qed jipprostitwixxi lilu nnifsu għall-flus li deħlin bl-eluf fil-bwiet tal-klikka Tagħna Lkoll, u huwa ta’ tħassib serju li fl-aħħar minn serje ta’ abbużi, issa ninnutaw li nħarġu madwar 600 visas mediċi lil Libjani fl-aħħar skandlu, li flimkien mas-7,000 visa lil Alġerini mhux magħrufa jammontaw għal numru konsiderevoli.

Titnaqqar il-Fiduċja:
Żball isir darba, darbtejn huwa traskuraġni jew irresponsabbiltà, u huwa mistenni li l-Oppożizzjoni tikkjarifika u tistaqsi l-aktar mistoqsijiet validi fil-konfront ta’ kif qed jinħarġu l-visas daqslikieku kienu pastizzi.

Allura, hekk kif il-poplu jkompli jagħraf li l-kelma, u l-kredibbilità ta’ Joseph Muscat qiegħda kull ma jmur titnaqqar għaliex mhux l-ewwel darba li nqabad f’gidba, f’taħbila tal-kliem jew devjazzjoni mill-korrettezza politika, irridu nirrealizzaw li għandna Priministru li mhuwiex verament interessat mill-ġid komuni. Li kieku kien, kien jippubblika bla tlaqliq r-riżultati tar-‘risk assessments’ li saru fir-rigward tat-tanker li fi ftit ġimgħat se jkun ta’ theddida għar-residenti tal-inħawi ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa. Imma jekk kemm-il darba jkompli jikkonferma – anke jekk b’mod indirett – li dawn l-istudji ma sarux jew jekk saru mhumiex denji li jidhru fil-pubbliku, ma nistax nara kif qatt jista’ jerġa’ jikseb il-fiduċja fi Gvern li jiftaħar li għandu għal qalbu n-Nofsinhar ta’ Malta.

Pulmuni Maħnuqa:
Għalkemm Joseph Muscat jakkuża gvernijiet Nazzjonalisti li kienu diviżivi u qatt ma taw prijorità lin-naħa t’isfel, kienu appuntu gvernijiet Nazzjonalisti konsekuttivi li fetħu l-kumplessi sportivi, li bnew l-iskejjel u l-ġonna pubbliċi għall-pubbliku. Flimkien man-nefqa kapitali tal-Kunsilli Lokali – li ħafna huma mmexxija minn maġġoranza Laburista – li tajniehom bil-miljuni minn fondi li ksibna mill-Unjoni Ewropea li t’hemm isfel ivvutaw bil-kbir kontrieha, nistgħu nikkumparaw min verament jaf jibbilanċja bejn l-importanza tal-flus imma wkoll kunsiderazzjonijiet reali.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat se joħnoq l-ispazju miftuħ taż-Żonqor biex jibni Università imma li minnha jkun qiegħed ipaxxi lil diversi tal-qalba li kellhom l-artijiet fix-xagħri: il-pulmun tal-Maltin.

Oppożizzjoni li tassorbi:
Għalhekk huwa ta’ nifs ġdid li għandna Oppożizzjoni li tassorbi r-realtajiet tal-lum, u apparti li tagħraf il-ħtieġa tal-ekonomija b’saħħitha, tagħraf daqstant ieħor l-importanza li l-flus ikunu qed jitqassmu bejn kulħadd. Joseph Muscat, mexxej ta’ gvern soċjalista kellu jirbaħ l-isfidi tal-faqar, imma mhux talli rebaħ, talli l-Caritas tikkonferma li llum għandna 100,000 li jinsabu f’riskju ta’ faqar relattiv.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinnota dal-ħteġijiet, qed jimpenja ruħu anke permezz ta’ dokumenti li jirrealizzaw dak li neħtieġu f’pajjiżna, u jmur lil hinn minn hekk billi jippreżenta mozzjonijiet, ħoloq abbozzi li llum qed ikunu kkunsidrati għal-liġijiet u jfassal pjan ta’ kritika kostruttiva li permezz tagħha Malta tkompli tavvanza.

Imma dan jissejjaħ ‘negattiviżmu mill-Partit Laburista.

Ir-ras Iebsa:
Imma quddiem ir-ras iebsa tal-aktar gvern arroganti fl-istorja, is-sens komun ma jreġix. L-ekonomija, l-ekonomija u l-ekonomija… daqslikieku l-bniedem jorqod u jqum għall-ekonomija.

X’tiswa’ ekonomija b’saħħitha meta s-sigurtà ta’ pajjiżna hija mhedda?

X’tiswa’ ekonomija b’saħħitha meta l-Korp tal-Pulizija huwa mnawwar b’indħil politiku?

X’tiswa’ ekonomija b’saħħitha meta jkollok lid-direttur tal-FIAU li jinvestiga l-ħasil tal-flus jirreżenja mingħajr ma jagħti rendikont tal-investigazzjoni fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri li allegatament marru jiftħu kontijiet sigrieta fil-Panama?

X’tiswa’ ekonomijia b’saħħitha meta għandek Gvern ma jinteressahx minn għada.

It’s the economy, Joseph!

Justin Schembri huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-8 distrett għall-elezzjoni ġenerali.
Din l-Opinjoni dehret fil-ġurnal ‘il-mument’ tal-Ħadd 7 ta’ Awwissu 2016.