Internazzjonali

Lejn il-‘battalja finali’ għal Sirte

Kmandanti tal-qawwiet tal-Gvern Libjan għall-għaqda mexxew laqgħat intensivi biex iħejju għall-‘battalja finali’ intiża biex tqaċċat lit-terroristi tal-ISIS mill-belt ta’ Sirte.

L-istess kmandanti, intant, ħabbru li issa bdiet il-countdown għal-liberazzjoni ta’ Sirte li ilha xhur sħaħ ikkontrollata mit-terroristi. Dan meta tmiem il-ġimgħa kien karatterizzat minn aktar azzjonijiet diretti fuq is-siti tal-ISIS f’din il-belt li tmiss mal-kosta.

Stqarrija mill-kmandanti tal-kampanja anti-ISIS f’Sirte irreferiet għal ‘mill-anqas erba’ attakki tal-ajru fuq l-ISIS f’Sirte, matul il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd’. Jidher li l-attakki twettqu mill-qawwiet internazzjonali li qegħdin jappoġġjaw lit-truppi tal-Gvern Libjan għall-Għaqda.

Nhar it-Tnejn li għadda, qawwiet tal-Istati Uniti, għall-ewwel darba, attakkaw pożizzjonijiet tal-ISIS f’Sirte fejn aġixxew fuq it-talba speċifika tal-Gvern Libjan għall-Għaqda, li hu appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti, u li hu bbażat fil-kapitali Tripli.

L-attakki fuq l-ISIS fil-Libja kienu awtorizzati mill-President tal-Istati Uniti Barack Obama wara r-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċjali ewlenin tal-Pentagon, f’Washington.

Sadanittant, il-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, qal li l-involviment tal-Amerikani fl-offensiva fuq l-ISIS għandha tkun limitata ‘u mhix se tmur ‘il hinn minn Sirte u s-subborgi tagħha’.

L-ISIS qed jistinka biex, akkost ta’ kollox, iżomm il-kontroll ta’ Sirte li għandha importanza strateġika kbira għat-terroristi u li ilha f’idejhom minn Ġunju tal-2015. Dan meta l-ISIS qed jitlef il-kontroll ta’ territorji fl-Iraq u s-Sirja.