Lokali

Manfred Galdes ma tħalliex jaqdi xogħlu b’mod ħieles

Minkejja li għal dawn l-aħħar tmien snin Manfred Galdes kien imexxi l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), fil-ġimgħat li għaddew ħass li kellu jfittex opportunitajiet ġodda fil-privat għaliex xogħlu ma baqax ikun apprezzat.

Dan ġie żvelat mill-gazzetta Il-Mument li saħqet li dan kollu żviluppa wara li quddiem il-Financial Intelligence Analysis Unit spiċċa l-każ jaħraq tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff Keith Schembri li waqqfu kumpaniji sigrieti fil-Panama u kontijiet sigrieti fi New Zealand.

Il-Financial Intelligence Analysis Unit investigat dan l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, iżda kollox jindika li għaliex Manfred Galdes esiġa li l-investigazzjonijiet isiru bir-reqqa u bis-serjetà, kien hemm min ma baqax japprezza x-xogħol tiegħu, tant li finalment Manfred Galdes kien kostrett jibda jfittex opportunitajiet fil-privat.

Dawk li huma qrib Manfred Galdes jiddeskrivuh bħala persuna mill-aktar professjonali, tant li fil-qadi tad-doveri tiegħu ma jħarisx lejn uċuħ imma jimxi mal-liġijiet ta’ pajjiżna.

Ir-rwol tal-Financial Intelligence Analysis Unit hu li tinvestiga persuni u istituzzjonijiet Maltin li jkun hemm dell fuqhom dwar ħasil ta’ flus; attività li tkun ġejja minn korruzzjoni jew illegalitajiet oħra. Dak li tagħmel din l-Aġenzija hu li tassigura li kulħadd jimxi mal-liġijiet ta’ pajjiżna fir-rigward tal-korrettezza u lil hinn minn kull abbuż ta’ ħasil ta’ flus.

Sorsi qrib Manfred Galdes li tkellmu ma’ il-Mument fissru li fl-aħħar xhur xogħlu ma baqax ikun apprezzat, tant li ma tħalliex jaqdi xogħlu b’mod ħieles u issa ma kellu l-ebda alternattiva oħra għajr li jsib opportunità idonea għalih fil-privat biex ikun jista’ jkompli bil-karriera tiegħu.

Fil-kors tal-investigazzjonijiet li l-FIAU kienet għamlet f’April li għadda, Manfred Galdes kien iltaqa’ mal-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien – Michael Cassar – fost persuni oħrajn, u kien għaddielu dokumenti importanti b’fatti jaħarqu li l-istess FIAU kienet stabbiliet dwar l-allegati attivitajiet li jinvolvu lill-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll liċ-Chief of Staff Keith Schembri fir-rigward tal-ftuħ tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Informazzjoni li kisbet il-Mument issemmi li l-eks-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar kien informa lis-superjuri tiegħu – lil Kastilja u anki lill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – b’dawk id-dokumenti kkonsenjati lilu mill-FIAU.

Iżda wara dan il-pass, l-eks-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar dabbar rasu mill-Korp tal-Pulizija, l-ewwel bil-leave, u kien evidenti li hu kien qiegħed jieħu din id-deċiżjoni għax ma setax jibqa’ jaħdem bl-indħil kbir li kien qiegħed ikollu bl-aktar mod kostanti. Dakinhar kien ingħad li r-raġuni tar-riżenja tal-eks-Kummissarju Michael Cassar kienet minħabba saħħa. Madankollu, anki kif żvelat minn il-mument stess, ir-raġuni vera kienet l-indħil fl-operat tat-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.

Imbagħad il-Prim Ministru Joseph Muscat innomina lill-Assistent Kummissarju Lawrence Cutajar biex jidħol hu għat-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija. Illum Lawrence Cutajar hu uffiċjalment il-ħames Kummissarju tal-Pulizija f’din il-leġiżlatura!

Sorsi li tkellmu ma’ il-Mument fissru li minkejja li għaddew bosta xhur, jidher li d-destin tad-dokumenti mgħoddija mill-FIAU lill-Pulizija waqgħu fuq widnejn torox. Dan minkejja li kienu analizzati minn ftit ħafna fdati fit-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija, minn oħrajn f’Kastilja u minn oħrajn fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Minn dakinhar jidher li d-direzzjoni politika kienet li dawn id-dokumenti jitpoġġew fuq l-ixkaffa.