Minħabba l-mod kif il-Gvern fuq pariri tal-konsulenti tiegħu, fosthom ta’ Robert Musumeci daħħal il-Liġi l-ġdida tal-Artijiet wara li kienet approvata fil-Parlament qabel aġġorna għas-sajf, bil-voti favur min-naħa tal-Gvern biss, il-mument hi f’pożizzjoni li tiżvela li se jogħlew it-tariffi ta’ Transport Malta.
Il-Mument żvelat kif sorsi li tkellmu magħha qalu li “dan ifisser li l-Gvern ipprefera li jogħlew it-tariffi ta’ Transport Malta milli jemenda l-liġi u jħalli s-settur marittimu taħt Transport Malta.
Dawn is-sorsi spjegaw għala waqt id-dibattitu fil-Parlament fuq din il-Liġi tal-Artijiet, Deborah Schembri għajret lil Ryan Callus u lil Francis Zammit Dimech li huma negattivi. Waqt li Zammit Dimech wera fil-Parlament li ma jagħmilx sens li s-settur marittimu jmur ma’ din l-Awtorità, Callus wera kemm l-Oppożizzjoni kienet ippreparata.
Transport Malta se titlef dħul finanzjarju
Il-Mument żvelat li ġiet avviċinata minn persuni mill-Awtorità tat-Transport fejn qalulha li huma saru jafu b’dan it-tibdil meta qraw l-artiklu ta’ il-mument. Dan ħoloq rabja fl-Awtorità tat-Trasport kontra Robert Musumeci. Persuni li avviċinaw il-mument, qalulna li ħassewhom urtati b’Musumeci għaliex qatt ma kien talab li jikkonsulta magħhom dwar dan it-tibdil. “Issa jrid li jkun ikkonsultat jew jisma’ l-opinjoni ta’ dan l-espert legali?” komplew jgħidulna dawn il-persuni. Dawn l-istess nies qalulna li dan it-tibdil ma ntlaqa’ xejn tajjeb fl-ogħla ċrieki tal-Awtorità tat-Transport.
Wara li l-qraw l-artikli ta’ il-Mument dwar il-fatt li s-settur marittimu kien sejjer ma’ din l-Awtorità tal-Artijiet, uffiċjali għolja ta’ Transport Malta għamlu minnufih pressjoni fuq James Piscopo, l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, u dan minnufih talab li ssir laqgħa ma’ Deborah Schembri.
Għaldaqstant il-Mument ssaqsi:
-Jekk saritx din il-laqgħa?
-Jekk saret, f’liema ġurnata?
-Veru li tant kien kbir il-paniku fi Transport Malta, li t-talba għal-laqgħa ntlaqgħet minnufih?
-Veru li f’din il-laqgħa sar qbil li s-settur marittimu jmur f’din l-Awtorità tal-Artijiet biex ma jkunx ikkritikat il-Gvern, waqt li Transport Malta tkun tista’ tgħolli t-tariffi bil-moħbi, permezz ta’ Avviżi Legali, biex tagħmel tajjeb għat-telf finanzjarju li se ġġarrab minħabba dan it-tibdil?
-Veru li tkellmu dwar dawk is-setturi marittimi li setgħu jmorru taħt din l-Awtorità l-ġdida u dawk li setgħu jitħallew taħt Transport Malta?
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-Mument żiedu li t-tħassib fi Transport Malta kien ġej mill-fatt li dawn it-tibdiliet kienu jfissru telf ta’ miljuni ta’ ewro lil Transport Malta. Għaldaqstant, issa hu mistenni li fil-proċess, se jiżdiedu l-ispejjeż għal Transport Malta għaliex issa naqsilha sors ta’ dħul u li se jkollu jħallas għalihom il-pubbliku.
“L-ikbar problema għal Transport Malta ma kinetx it-tibdil tad-dekasteri iżda t-telf ta’ dħul ta’ flus, inkluż dawk mill-pontoons li jfisser telf ta’ miljuni ta’ ewro għal Transport Malta. Nies qrib Transport Malta qalulna li b’dan it-tibdil, din l-Awtorità riedet tara mnejn se ġġib dan it-telf kollu. L-uniku mod kif dan seta’ jsir kien billi l-Gvern iħalli lil Transport Malta żżid it-tariff għas-servizzi li hija toffri.”
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-Mument komplew li “b’hekk is-soluzzjoni għat-taħwid ta’ Robert Musumeci u sħabu tal-‘Moviment’ se jkun qed iħallsuhom dawk il-persuni li jagħmlu użu mis-servizz ta’ Transport Malta. Ir-ras iebsa biex iħallu din il-parti marittima f’idejn l-Awtorità il-ġdida tal-Artijiet wasslet biex Transport Malta se jkollha tgħolli t-tariffi ta’ servizzi tagħha fix-xhur li ġejjin. Din il-liġi tal-Awtorità tal-Artijiet ma ħolqotx biss problemi legali, iżda anki problemi finanzjarji għall-Gvern u għal waħda mill-awtoritajiet tiegħu stess.”
Il-Konsulent tal-Gvern Musumeci jammetti
L-artikli dwar il-liġi li biha twaqqfet l-Awtorità tal-Artijiet jidher li qed idejqu lil Robert Musumeci waqt li nhar il-Ħadd li għadda ammetta li fadal ħafna xogħol xi jsir għaliex kiteb li għadu jaħdem fuqha fil-qilla tas-sajf! Dan ifisser li x-xogħol fuq din il-liġi għadu mhux komplut. Biss il-Parlament xorta ntalab biex japprovaha.
Wara li Il-Mument kitbet li issa l-esproprju sar illegali, u anti-Kostituzzjonali, ma nħarġet ebda stqarrija uffiċjali mill-Gvern. Robert Musumeci mar fuq il-Facebook Page tiegħu u kiteb hekk:“False! Nothing in the Lands Act violates Art 37 of Const[itution]. So can you ask the ‘espert legali’ to contact me? Of course, Chap[ter] 88 needs updating. We are working on it, despite the summer temperatures. Any views are certainly welcome. Including ‘il-mument’ of course. We are an ‘open movement’.
Bil-Malti hi fik ġej:
“Mhux veru! Xejn mill-att dwar Liġi tal-Artijiet ma jmur kontra l-artiklu 37 tal-Kostituzzjoni. Għalhekk tistgħu tgħidu lill-‘espert legali” biex jikkuntattjani? Dażgur, Kapitlu 88 jeħtieġ jiġi mġedded. Aħna qed naħdmu fuqu minkejja t-temperaturi tas-sajf. Kull opinjoni hija dejjem milqugħa. Din tinkludi dik ta’ ‘il-mument’. Aħna ‘moviment miftuħ”.
Għalhekk issa, Robert Musumeci, l-Konsulent tal-Prim Ministru, jrid jibdel il-Kapitlu 88 tal-Liġijiet għaliex dan hu dwar l-espropju. Altru milli l-espert legali li tkellem ma’ il-mument mhux qed jgħid il-verità!
Jitkellem kontra wkoll id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi
Bħall-espert legali li tkellem ma’ il-Mument, qiegħed jaħsibha l-istess il-Professur Kevin Aquilina li minbarra li huma Professur tal-Liġi Ċivili, huwa d-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta. Il-Professur Aquilina kiteb artiklu f’The Times of Malta aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn fih wera t-tħassib tiegħu dwar din il-liġi. It-titlu tal-artiklu tiegħu jitkellem waħdu “Deficiencies in the Land Bills” jew “Nuqqasijiet fil-liġi l-ġdida ta’ l-artijiet”. Dwar dawn id-defiċenzi u oħrajn, il-mument se tkompli tiżvela aktar dettalji fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Ħamis li għadda, The Times of Malta ddedikat ukoll l-editorjal tagħha għal din il-liġi u qablet ma’ dak li ppubblikat il-mument fejn ukoll qalet li l-awditur ma jistax ikun independenti – kif ilha ttenni il-mument.
L-artikli ta’ il-Mument tant kienu effettivi, li s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri spiċċat għamlet konferenza stampa biex tiddefendi din il-liġi. Osservaturi politiċi qalulna li mhux normali li jsiru konferenzi stampa fuq liġijiet bħal dawn. Biss din il-konferenza stampa ma kkonvinċit lil ħadd. Tant li wara li din il-gazzetta kompliet bil-kritika tagħha, il-konsulent tal-Gvern, Robert Musumeci spiċċa jikteb Talking Point fuq The Times of Malta biex jikkonvinċi kemm l-affarijiet kienu ħżiena qabel ma’ tal-‘moviment’ ħaduhom f’idejhom!
Ifallu l-pjani ta’ Schembri u Musumeci
Minħabba dawn l-artikli f’il-mument, kemm Deborah Schembri u Robert Musumeci kellhom ibiddlu aktar minn darba l-pjani tagħhom. L-ewwel pjan kien li joqgħodu jiftaħru biha. Dan il-pjan għarralhom bil-kbir. L-artikli ta’ il-mument qed jikkonvinċu nies tal-affari tagħhom, inkluż persuni mill-kamp Laburista, li din hija kritika ġusta. Nistgħu niżvelaw li fil-futur qrib, se jkun hemm aktar nies tal-affari tagħhom jitkellmu kontra din il-liġi.
Dan qed iwassal biex Deborah Schembri u Robert Musumeci jibdlu l-istrategija tal-Gvern f’waħda maħsuba biex tnessi din il-liġi. Kemm Schembri kif ukoll Musumeci ħasbu li wara li kienet se tkun approvata din il-liġi, il-kritika dwarha kienet se tieqaf.
Il-Mument kompliet titkellem dwar l-inkwiet intern ikkawżat minn din il-liġi u t-taħwid li din il-liġi ħolqot fil-kamp legali.
Il-Mument qalet li se tkompli tiżvela ġrajjiet li l-istess Robert Musumeci u Deborah Schembri jafu dwarhom iżda jridu jżommuhom mistura għaliex juri d-delettantizmu li jirrenja fost il-membri tal-‘moviment’ li fasslu din il-ligi u llum qed jaħdmu fuq il-Kapitlu 88 tal-Kodici Ċivili ta’ Malta biex jibdluh.
Il-Mument kienet uriet li din l-Awtorità tal-Artijiet ma setgħax ikollha taħtha r-Reġistru tal-Artijiet. Robert Musumeci ma kitibx fuq il-Facebook Page tiegħu biex jgħid li dan “mhux veru”. Tant kemm dan kien veru li fit-Tielet Qari, din il-parti tneħħiet mill-liġi u b’hekk ir-Reġistru tal-Artijiet baqa’ taħt Identity Malta. Fi kliem ieħor, Musumeci qabel mal-kritika ta’ il-mument li r-Reġistru ta’ l-Artijiet ma setgħax ikun inkluż mal-Awtorità tal-Artijiet. Dan hu prova ta’ kemm din il-gazzetta qed tgħid il-verità. Li kieku ma sarux dawn l-emendi, diġà kien hemm ditti legali li kienu lesti jikkontestawha fil-qorti.
//= $special ?>