Lokali

Muscat jiddefendi t-tanker tal-gass – daqs 3 grawnds tal-futbol – fil-bajja ta’ Marsaxlokk

Aġġornata b’stqarrija tal-Partit Nazzjonalista

Iqabbel it-tanker tal-gass ma’ vapur tal-merkanzija li jġib ix-xogħol lejn Malta

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qabbel it-tanker tal-gass li se jkun sorġut f’Marsaxlokk, b’kobor ta’ 3 grawnds tal-futbol, ma’ vapur tal-merkanzija li jġib ix-xogħol għal eluf ta’ ħaddiema li jaħdmu fil-Port Ħieles.

Muscat kien qed jitkellem fuq l-istazzjon tar-radju Laburista ‘One Radio’ meta qabbel it-tanker tal-gass ma’ vapur tal-merkanzija, biex jiggustifika l-monstrosita’ ta’ dan it-tanker li mistenni jibda jsorgi f’Marsaxlokk minn Settembru li gej ghal 18-il sena shah.

“Il-Partit Nazzjonalista ftaħar li daħal vapur kbir ħafna fil-Freeport. Dak il-vapur li daħal fil-Freeport huwa saħanistra akbar mill-vapur f’Marsaxlokk” qal Joseph Muscat waqt l-intervista.

Dwar dawn il-kummenti tal-Prim Ministru, il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li Muscat se jpoġġi t-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk minħabba r-ras iebsa tiegħu – li l-ewwel webbes rasu li jibni powerstation li m’għandiex bżonn u issa qed iwebbes rasu li jpoġġi t-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk b’periklu ċar għar-residenti.

Filfatt, il-mod kif Joseph Muscat qabbel it-tanker tal-gass ma’ vapur tal-merkanzija li jġib lejn Malta xogħol li jgawdu minnu bosta familji u negozji Maltin, huwa konferma ta’ kemm Muscat dejjem jiddeċiedi ħażin, kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Il-Port Ħieles iħaddem mijiet ta’ persun u fl-aħħar jiem, il-management tal-Port Ħieles qal li qed jevalwa l-futur tagħha u tal-impjegati kollha tagħha fid-dawl tal-kontroversja li qamet fl-aħħar jiem meta Muscat iddikjara li ma jridx li l-Freeport ta’ pajjiżna jkompli jikber.

Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar li Muscat baqa’ jwebbes rasu quddiem l-appell tal-Malta Freeport Terminals u tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, biex ma jagħmilx mill-Freeport ballun politiku, peress li fil-kummenti tieghu ta’ dalgħodu, Muscat kompla jattakka l-ħidma tal-mijiet ta’ ħaddiema tal-Freeport li jwettqu xogħol importanti ħafna għall-ekonomija Maltija.

Intant, il-Partit Nazzjonalista nnota li fl-intervista, Muscat baqa’ ħalqu magħluq dwar żewġ temi importanti li l-poplu Malti u Għawdxi qed jistenna t-tweġibiet dwarhom mingħand il-Prim Ministru. Muscat naqas milli jitkellem dwar l-iskandlu tal-visas mediċi li seħħ f’Kastilja u li għandu impatt qawwi fuq is-sigurtà ta’ pajjiżna u naqas milli jitkellem ukoll dwar ir-riżenja ta’ Manfred Galdes minn Direttur tal-FIAU – l-aġenzija li kienet qed tinvestiga lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu s-senserija.