Storja fuq il-gazzetta Il-Mument tal-ġurnalist Joe Mikallef tgħid kif Neville Gafà, membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, qiegħed ikompli jiddomina każ ieħor ta’ allegata korruzzjoni, din id-darba fil-ħruġ ta’ visas lil persuni Libjani biex suppost jiġu għal kura medika f’Malta.
Fl-aħħar xhur, Neville Gafà bidel l-istil tal-ħajja tiegħu, bil-konsegwenza li komplew jitqanqlu ħafna mistoqsijiet dwar min u kif kien qed jiffinanzja dak kollu li jdur mal-ħajja privata tiegħu. Tagħrif li kisbet il-mument juri li għandu proprjetà b’kera fil-Mellieħa minbarra li għandu karozza lussuża tal-għamla BMW.
Trasferit lejn Għawdex minflok ġie sospiż
Neville Gafà, bil-kariga ta’ fiduċja li jokkupa fi Skala 4 maċ-Ċivil, fl-aħħar ġimgħat ‘sparixxa’ mill-uffiċċju tas-soltu li kien jokkupa fil-Ministeru tas-Saħħa hekk kif kien infurmat li kien fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni b’rabta mal-ħruġ ta’ visas lil Libjani biex jiġu Malta, suppost għal kura medika.
Il-Mument qed tiżvela li Neville Gafà jidher li kien trasferit lejn Għawdex minflok għall-inqas ġie sospiż sakemm tkun konkluża l-investigazzjoni tal-Pulizija. Nhar ta’ Erbgħa qiegħed ikun Għawdex fejn għamel żmien jaħdem mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u dan l-aħħar qed jopera miċ-Ċentru LEAP fix-Xewkija. Miegħu qed ikun hemm Sonia Abela, kunsilliera Laburista fil-Munxar, li għandha wkoll kariga ta’ fiduċja bħala Liason Officer tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Ministeru ta’ Għawdex. Neville Gafà u Sonia Abela huma qrib ħafna ta’ xulxin.
Hu allegat li rċieva €38,000 b’mod abbużiv
L-iskandlu li jdawwar lil Neville Gafà hu dwar kif qed jiġi allegat li dan l-uffiċjal f’kariga ta’ fiduċja fil-Ministeru tas-Saħħa kien irċieva ftit inqas minn €38,000 b’mod abbużiv meta nħarġu visas mediċi għal Libjani li applikaw biex jiġu Malta għal raġunijiet mediċi.
Fis-sena 2015 biss – jiġifieri tul is-sena l-oħra u meta hu kien jokkupa l-kariga tal-persuna responsabbli mill-għoti ta’ visas mediċi tramite r-rakkomandazzjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa – inħarġu aktar minn 600 visa; medja ta’ kważi żewġ visas kuljum. Dan jistona ħafna meta jitqabbel ma’ dak li kien ġara fl-2011, meta tul dik is-sena fl-eqqel tal-kriżi fil-Libja kienu nħarġu 250 visa medika!
Ir-rapport sar mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa fl-aħħar ġimgħat xamm l-abbużi li kienu qed isiru u dan il-każ ingħata immedjatament f’idejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li, min-naħa tiegħu, bagħat il-files kollha relatati lill-Pulizija biex tibda tinvestiga lil Neville Gafà.
Gafà qrib ħafna ta’ Muscat, Schembri u Mizzi
Neville Gafà stess jiftaħar kemm hu persuna viċin ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat, ta’ Keith Schembri li jokkupa l-kariga ta’ Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u ta’ ċerti Ministri fosthom Konrad Mizzi.
Wara r-rebħa elettorali Laburista tal-2013, Neville Gafà kien ingħata kariga mal-Gvern fuq il-bażi ta’ persuna ta’ fiduċja, u minnufih, wara li Godfrey Farrugia kien twarrab minn Ministru tas-Saħħa u floku tpoġġa Konrad Mizzi, Neville Gafà ntbagħat iservi fil-qasam tas-saħħa.
Neville Gafà, li għandu 41 sena, miżżewweġ u li hu minn Santa Luċija, jiftaħar li ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-Iskola San Ġużepp, filwaqt li dik sekondarja ħadha fil-Kulleġġ San Alwiġi flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Jaħdem għal Stefan Zrinzo Azzopardi
Barra minn hekk, huwa qiegħed jagħmel ukoll xogħol għal Stefan Zrinzo Azzopardi, li dan l-aħħar ikkontesta bla suċċess l-elezzjoni interna fil-Partit Laburista għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. Sorsi fil-Partit Laburista li tkellmu ma’ il-mument ikkonfermaw li f’din l-elezzjoni interna appoġġja lil Stefan Zrinzo Azzopardi u ħadem biex id-delegati Laburisti jivvutaw lilu.
Preżenza f’ħidma lokali għall-PL ukoll
Neville Gafà kien okkupa l-kariga ta’ Segretarju fil-Kumitat Laburista ta’ San Pawl il-Baħar u kkoordina l-ħidma bejn il-kunsillieri Laburisti tal-lokal. Hu ta’ sodisfazzjon għalih li kien wieħed mill-protagonisti fir-rebħa li l-Partit Laburista kiseb fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’San Pawl il-Baħar. Illum hu biss membru tal-Kumitat Laburista ta’ San Pawl il-Baħar.
Hu jiftaħar ukoll li hu parti mis-Segretarjat tal-Kunsilli Laburista u li b’rabta ma’ dik il-ħidma u b’koordinazzjoni mas-sindki u l-kunsillieri Laburisti, kif ukoll mal-Kelliem Laburista Ewlieni għall-Gvern Lokali, kien jorganizza diversi konferenzi tal-aħbarijiet fuq livell lokali f’diversi bliet u rħula. Jiftaħar ukoll li ftit tas-snin ilu ħa sehem fit-tfassil ta’ dokument fi ħdan il-Partit Laburista biex jitjieb l-operat tal-Kumitat Lokali.
//= $special ?>