Lokali

Rabja mis-sidien tal-ħwienet

Il-Mument illum tirraporta li numru ta’ sidien tal-ħwienet fi Triq tas-Sliema, l-Gżira, li tkellmu magħha urew ir-rabja li għandhom għall-awtoritajiet konċernati minħabba deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu dwar devjazzjonijiet tat-traffiku li qed jiswuhom telf finanzjarju qawwi mill-operat kummerċjali tagħhom. Triq Tas-Sliema fil-Gżira hi dik it-triq li mir-roundabout tal-Kappara tagħti għal Rue D’Argens.

Meta Il-Mument żaret l-inħawi u tkellmet ma’ dawn is-sidien tal-ħwienet irriżulta li twaħħlu tabelli li jindikaw li Triq Tas Sliema l-Gżira hi magħluqa meta fil-fatt mhijiex. B’hekk uħud mit-tabelli li twaħħlu minn Transport Malta biex jinfurmaw lis-sewwieqa b’diversi devjazzjonijiet, qegħdin jagħtu informazzjoni żbaljata.

L-avviż fuq it-tabelli jindika li Triq tas-Sliema fil-Gżira hi magħluqa għalkollox għat-traffiku meta fil-verità hija aċċessibbli. Hija biss il-parti li mir-roundabout tal-Kappara tinżel għal Triq Tas Sliema fil-Gżira li hi magħluqa, għalkemm xorta hija aċċessibbli għar-residenti waqt li l-bqija tat-triq hi miftuħa għat-traffiku.

Tabelli tad-devjazzjoni tat-traffiku li qegħdin jagħtu informazzjoni żbaljata lis-sewwieqa jinsabu fit-triq qabel ma wieħed jitla’ t-telgħa tal-Kappara, hemm oħra fi Triq l-Għarbiel is-Swieqi u oħra fi Triq Diċembru 13, fil-Marsa.

Minħabba dawn it-tabelli u oħrajn li setgħu twaħħlu f’toroq oħra, li qed jindikaw li Triq Tas-Sliema hi magħluqa għalkollox, is-sidien tal-ħwienet li hemm f’din it-triq qed jesperjenzaw nuqqas ta’ xogħol. Dan meta s-soltu, din it-triq tkun il-ħin kollu mimlija karozzi. Iżda minħabba l-avviż żbaljat ta’ Transport Malta, ftit li xejn qed jgħaddu vetturi, aħseb u ara kemm hemm min qiegħed jgħaddi mill-inħawi biex jinqeda mill-ħwienet taz-zona.

Persuni li tkellmu ma’ il-Mument, fissru kif minħabba li t-tabelli qed jagħtu informazzjoni ħażina, il-ġurnata tax-xogħol tagħhom qed tkun kwieta ħafna.

Sid ta’ ħanut partikolari fi Triq Tas Sliema l-Gżira, semmiet wkoll toroq alternattivi li wieħed jista’ jgħaddi minnhom biex jasal fi Triq Tas Sliema l-Gżira, fosthom minn The Strand f’Tas-Sliema, minn Rue d’Argens li tibda mill-Imsida u tibqa sejra sal-Gżira, minn naħa ta’ Triq Imrabat Tas-Sliema u anke mill-inħawi tal-Università ta’ Malta hemm toroq li jagħtu għall-imsemmija triq.

Sidien oħra ta’ ħwienet fl-inħawi qalu ma’ din il-gazzetta kif minħabba n-nuqqas kbir ta’ xogħol li qed jesperjenzaw, qed jinkwetaw kif se jħallsu l-pagi tal-ħaddiema tagħhom fl-aħħar tax-xahar.
Huma qalu li jifmhu li x-xogħol irid isir b’rabta mal-proġett tal-Kappara iżda jistennew mingħand l-awtoritajiet konċernati, bħal Transport Malta, li minn tal-inqas iwaħħlu tabelli li ma jinfurmawx ħażin lill-pubbliku kif qed jiġri fil-każ ta’ Triq Tas- Sliema fil-Gżira.