Il-gruppi tar-ribelli f’Aleppo qalu li rnexxielhom jitfgħu lura lill-qawwiet tal-Gvern Sirjan li kienu ilhom il-ġimgħat jassedjaw din il-belt prinċipali.
Iżda sorsi qrib il-Gvern tal-President Sirjan Bashar al-Assad qed jiċħdu li l-qawwiet tagħhom kienu kostretti jirtiraw minn bażi tal-artillerija fiz-zona tal-belt, minkejja r-rapporti dwar ċelebrazzjonijiet kbar fost ir-ribelli fl-inħawi ta’ Aleppo.
Attivisti li huma bbażati fir-Renju Unit, min-naħa tagħhom, qalu li r-ribelli wettqu tassew suċċess militari notevoli wara daqstant ġimgħat ta’ ġlied. Qed jingħad ukoll li r-ribelli inkwistjoni anki rnexxielhom jagħmlu kuntatt mill-ġdid ma’ ġellieda alleati fin-naħat ta’ Aleppo lejn il-Lvant.
Madankollu, qed jidher li r-ribelli ma rnexxilhomx jikkonsolidaw rotta ta’ sigurtà konkreta bejn iz-zoni kruċjali.
Dan wara li l-qawwiet tal-Gvern Sirjan, matul ix-xahar li għadda, kienu qatgħu l-aċċessi għaz-zoni ta’ Aleppo kkontrollati mir-ribelli, bir-riżultat li ‘il fuq minn 250,000 persuna spiċċaw kostretti li jgħixu taħt assedju ġo din il-belt.
Intant, ftit wara l-ewwel rapporti dwar ‘it-tmiem tal-assedju ta’ Aleppo’, l-Armata Sirjana kienet qed tiġġieled mill-ġdid kontra r-ribelli bl-appoġġ tal-qawwiet tal-ajru tar-Russja li hi alleata kbira tal-President Assad.
Fi żviluppi oħra, alleanza ta’ ġellieda Kurdi u Arab, li hi appoġġjata mill-Istati Uniti, kienet irrappurtata li ħatfet kontroll fil-parti kbira tal-belt ta’ Manbij, li hi waħda mill-fortizzi tal-ISIS fis-Sirja. Osservaturi rrimarkaw dwar ‘il-progress tar-ribelli’ li kienu qegħdin javvanzaw minn din il-belt, fejn ‘wettqu numru ta’ kisbiet militari’ anki jekk kien għad fadal ir-reżistenza mill-ISIS.
//= $special ?>