1. F’dan is-sajf, meta l-Parlament tagħna nxteħet lura fil-prijoritajiet tal-Gvern għall-aġġornament rekord twil, hemm ċerti żviluppi għaddejjin. Anzi, hemm proċess elettorali li beda jsir ‘il bogħod minn xtutna u li se jkollu effett dirett fuqna. L-għażla tal-President futur tal-Istati Uniti tal-Amerika hija determinanti għalina wkoll. Il-politika barranija ħafna drabi hija ferm iktar influwenti minn dik li tkun qed issir fl-intern. Ma hemmx dubju fuq dan u daqshekk ieħor li għandna raġunijiet gravi li jmexxuna biex ninkwetaw fuq dak li qed iseħħ f’dik l-art li għal ħafna tibqa’ tad-demokrazija, tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u, fuq kollox, liberatriċi.
Ħidma antidemokratika
2. L-għażla fil-partit Repubblikan tal-kandidat Donald Trump hija żbaljata u perikoluża għalihom u għad-dinja. Partit li iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qiegħed joħroġ bħala wieħed maqsum. Fih, il-parti Demokratika u raġonevoli qed issib ruħha maqtugħa barra mill-poter intern. Fi ħdan din il-ġabra ta’ nies għandna bniedem li qiegħed jitkellem u jaġixxi bl-istess mod kif rajna dittaturi oħra qablu jimxu. Dawk li d-dinja kienet tisma’, ma tagħtix kas tagħhom, taħseb li mhux se jwettqu dak li kienu jgħidu u li minflok sabet ruħha iffaċċjata bi bnedmin li ħadmu kontra d-demokrazija u l-bniedem.
Il-fatti jgħoddu
3. Jista’ jkun li jkun hemm min jista’ jintilef fit-triq biex jidentifika min huwa fuq il-Lemin estrem jew le. Biss il-kejl għalija jibqa’ dak ta’ kemm bniedem li qed jirrappreżenta lill-poplu f’isem is-sistema demokratika jaġixxix demokratikament jew le. Meta dan jibda jitkellem bil-mod li għaddej bih bħalissa dan il-kandidat Trump, allura mingħajr ma trid tifhem li l-valuri Demokratiċi ma humiex proprju għal qalbu. Meta nisimgħu r-rettorika dwar l-immigrazzjoni, l-ordni pubbliku, it-terroriżmu u li dak il-pajjiż ma għandux jibqa’ jkun id-difensur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fid-dinja, wieħed jibda jifhem li hemm elementi estremisti qawwija.
Nikkumbattu għaliha
4. Id-demokrazija għalina hija valur li ma jistax jinxteħet ‘il barra u, anzi, għandna nikkumbattu għaliha. Diversi, fil-passat, meta sabu ruħhom jisimgħu d-diskorsi ta’ Mussolini u Hitler ħasbu li mhux se jkun hemm theddida diretta għalihom. Ħasbu li kienu xi żewġ eżaltati, jew vuċijiet ta’ nazzjonaliżmu populista, iżda r-realtà kienet differenti. Kienu bnedmin li implimentaw miżuri li mid-diskors wasslu għal azzjonijiet mill-iktar ħżiena, u mimlija ħdura. Il-bnedmin li tilfu ħajjithom fl-aħħar konflitt mondjali, l-ewwel huma ħtija tal-fatt li ħafna qagħdu lura u ppermettewlhom jieħdu l-poter, u t-tieni għax dawk li fehmu xi ħaġa damu biex iċċaqilqu u biex semmgħu leħinhom u jaġixxu kontra dawn id-dittaturi.
Tessut mondjali
5. Hemm tessut mondjali li fih bil-proċess ta’ globalizzazzjoni se jolqot u jeffettwa lilna lkoll. Pajjiżna gawda minn sekli sħaħ ta’ stabbiltà, paċi u ġustizzja li l-Istati Uniti esportaw. L-eżempji tajbin tagħhom kaxkru lilna wkoll fuq diversi punti. Kienu u sal-lum huma dawl għal dawk li jemmnu fil-libertà u d-demokrazija. Għalhekk, ma għandniex ma nitkellmux meta naraw li dak li qed jgħid Trump huwa l-kontra ta’ dan kollu. Meta qed jitkellem fuq iktar infiq fil-kamp militari, meta qed jgħid li se jibni ħajt biex jifirdu mill-Messiku, meta qed jerġa’ jmiss l-istabbiltà u l-bilanċ neċessarju maċ-Ċina, allura nkunu qed nitilfu aħna minflok jekk naħsbu li dan huwa biss diskors.
Diskors gravi
6. Illum diskorsu diġà huwa gravi. Biżżejjed il-mod kif irreaġixxa l-ewwel fil-konfront tal-ġenituri tal-Kaptan Humayun Khan li ssagrifika ħajtu għal pajjiżu, u t-tieni fil-konfront tal-fatt li ma jridx jagħti l-appoġġ tiegħu lil Paul Ryan bħalissa Speaker u s-Senatur John McCain. Kliem Khizr Khan u martu sammru. Kienu ċari, diretti u esponew il-ħmerijiet kollha li ilu jgħid dwar il-Musulmani Amerikani. L-istess għal Ryan, esponent prominenti tal-partit li huwa żgur Demokratiku, u McCain kandidat presidenzjali preċedenti Repubblikan. Biex tkun kontra dawn il-bnedmin ifisser li int stess ma tħossokx komdu magħhom għax ma tħaddanx l-ideali demokratiċi.
Lejn diżastru mondjali
7. In-Nażiżmu, il-Faxxiżmu u kull forma ta’ estremiżmu jiġu bl-istess toroq li qed naraw bħalissa f’dak il-pajjiż li huwa għal qalbna. Jiġi elett taħt il-proċess demokratiku bħala rappreżentant ta’ vuċi tal-poplu iżda appena jkun fil-poter jibda jaġixxi ta’ kollox minbarra demokratiku. Min irid jinħeba minn din ir-realtà jista’ llum, iżda għada jrid iħallas il-prezz tagħha. Estremiżmu Lemini fl-Istati Uniti huwa formola għal diżastru mondjali. Fid-dinja timxi ‘l quddiem u tikber u tiżviluppa fuq iktar ordni bbażat fuq il-ġustizzja, id-demokrazija u l-libertà. Meta tmur il-kontra, tiżbalja. Kif jgħidu missirijietna, naħsbu fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx. Għax taħwid, fl-esperjenza umana taħwid ieħor iġib.