Lokali

It-tanker tal-gass ‘mostru’ mistenni f’Marsaxlokk mill-10 ta’ Settembru

Storja fuq il-faċċata tal-gazzetta Il-Mument tiżvela kif it-tanker tal-gass ‘mostru’ bl-isem Armada LNG Mediterrana mistenni jidħol f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk nhar is-Sibt, 10 ta’ Settembru li ġej wara li bħal-lum ġimgħa jkun beda jbaħħar minn Singapore lejn il-bajja ta’ Marsaxlokk.

Dawn id-dati kienu kkonfermati lil il-Mument minn sorsi qrib Kastilja, bl-istess sorsi jgħidu li l-inawgurazzjoni uffiċjali mistennija ssir xi jiem wara fix-xahar ta’ Settembru stess fejn il-Gvern qed jippjana ċerimonja pompuża minkejja l-oppożizzjoni qawwija nkluż minn ħdan il-Partit Laburista għat-tqegħid permanenti ta’ dan it-tanker tal-gass – b’tul daqs tliet grawnds tal-futbol u li fih se jkun hemm maħżuna mal-140,000 metru kubu ta’ gass viċin ħafna ta’ residenzi, postijiet ta’ villeġġatura kif ukoll għelieqi li għadhom qegħdin jinħadmu.

Dawk li tkellmu ma’ Il-Mument, madankollu preċiżaw ukoll li d-data tal-10 ta’ Settembru li ġej tiddependi ħafna jekk ikunx hemm maltemp fuq il-baħar tul ir-rotta li se jkun qed jieħu t-tanker tal-gass waqt li jkun qed ibaħħar. Iżda l-entitajiet konċernati ġew kollha mgħarrfa b’din id-data.

Is-sorsi qrib Kastilja qalulna wkoll li anki did-darba kellhom jinbidlu l-pjani marbuta mad-dati hekk kif il-pjan oriġinali kien li t-tanker tal-gass jibda jbaħħar fit-12 ta’ Awwissu biex jasal Malta fil-5 ta’ Settembru. Iżda issa huwa mistenni li jasal ħames t’ijiem tard minn dak li kien ippjanat.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Bla Portafoll Konrad Mizzi li baqa’ fdat bis-settur tal-enerġija minkejja l-iskandlu tal-‘Panama Papers’ u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju f’Kastilja Keith Schembri kienu fit-Tarzna ta’ Keppel f’Singapore bla preżenza ta’ uffiċjali tekniċi minn Malta fejn inawguraw dan it-tanker tal-gass. Dan minkejja li kien għad fadallu pendenti xi xogħlijiet x’isiru kif ukoll li jsir l-ittestjar fuqu qabel ma jsalpa.

Pressjoni kbira biex ma jkunx hemm dewmien

Sorsi li tkellmu ma’ il-Mument qalu wkoll li dawk kollha involuti fix-xogħol ta’ tibdil strutturali li kellu jsir fuq it-tanker tul dawn l-aħħar xhur kellhom pressjoni kbira biex ma jkunx hemm dewmien milli jitlesta fuq talba diretta tal-Gvern Malti u tal-konsorzju Electrogas. Dan il-bastiment li l-isem tiegħu qabel dak li ngħata issa kien Wakabu Maru, għamel mat-30 sena jġorr il-fuel.
Dan minħabba li din hija wegħda elettorali ewlenija ta’ Joseph Muscat, tant li l-wegħda kienet li dan il-proġett kellu jibda jaħdem sentejn wara l-elezzjoni. Muscat kien wiegħed li jirriżenja jekk dan ma jseħħx. Fil-fatt, il-proġett spiċċa ttardja b’sena u nofs, u Muscat ma żammx mal-kelma ‘tar-riżenja’.

Tanker b’tgħabbija tal-gass permamenti

Intant, minkejja li bħal-lum ġimgħa l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li t-tanker tal-gass se jiġi ankrat f’Marsaxlokk b’mod temporanju; s-sit elettroniku awtorevoli ħafna fis-settur Natural Gas Europe kkonferma li t-tanker tal-gass se jitpoġġa f’nofs il-port ta’ Marsaxlokk b’mod permanenti.

Dan apparti l-fatt li hemm ftehim mal-Electrogas biex jixtri l-enerġija elettrika mingħand dan il-konsorzju, li l-Gvern intrabat bih għal 18-il sena sħaħ. Dan il-ftehim minkejja li ilu żmien li ntlaħaq, il-Gvern għadu jaħbih u ma jridx jagħmlu pubbliku.

Is-sit elettroniku Natural Gas Europe qalet li “l-FSU (it-tanker) se jkun sorġut fil-bajja ta’ Marsaxlokk b’mod permanenti”.

Natural Gas Europe bagħtet domandi lill-kumpanija Siemens biex jistħarrġu f’liema stadju wasal il-proġett tal-power station il-ġdida li qed tkun xprunata mill-Gvern ta’ Muscat. Dan il-proġett qed isir mill-konsorzju Electrogas magħmul minn Siemens, Socar tal-Ażerbajġan, u GEM Holdings iffurmat mill-Grupp Tumas u Gasan li kollha għandhom mat-33.3 fil-mija tal-ishma rispettivament.
Biex il-kumpanija Bumi Armada ikkonvertiet dan it-tanker ġewwa tarzna f’Singapore ħadet b’kollox US$300 miljun mill-Electrogas.

Din il-ġimgħa ġie żvelat illi l-kumpanija Ocean Installer ma tridx tikkummenta u lanqas twieġeb domandi dwar iċ-ċimi li se jiġu installati fil-baħar biex iżommu t-tanker Armada LNG Mediterrana illi se jipprovdi l-gass għall-power station il-ġdida tal-Electrogas.

Ocean Installer se tkun qed tipprovdi dik li b’mod tekniku tissejjaħ sistema ta’ “mooring chain” għall-FSU, jew fi kliem aktar sempliċi ċ-ċimi li se jorbtu f’postu t-tanker tal-gass.

Fost il-mistoqsijiet li bagħtna bl-email, staqsejna kemm se jdum biex ikun lest dan ix-xogħol, jekk il-kumpanija għamlitx studji fuq l-impatt tar-riħ u l-mewġ f’din iz-zona, kemm il-ċima u katina se tintuża, u jekk it-tanker hux se jkun marbut max-xatt jew ma qiegħ il-baħar. Il-kumpanija għażlet li ma tweġibx dawn il-mistoqsijiet leġittimi.