BLOGS

U iva… Mhux xorta?… Mexxi Ġuż!

It is never a dull day! Hekk jista’ wieħed jgħid dwar l-aħbarijiet ta’ kuljum f’pajjiżna. Daqqa ħaġa, daqqa oħra. Li kieku pajjiżna kien xi telenovella, kull episodju kien ikun aktar interessanti minn ieħor. Iżda pajjiżna la huwa telenovella u wisq inqas m’għandu jkun is-suġġett ta’ xi ċajta.

Pajjiżna jixraqlu tmexxija serja, jixraqlu politika ta’ kontabbiltà, politika ta’ integrità, ta’ onestà u ta’ deċiżjonijiet oġġettivi. Pajjiżna għandu jkun demokrazija normali Ewropea fejn tirrenja s-saltna tad-dritt u fejn il-gvern iwieġeb għal għemilu jew in-nuqqas tiegħu.

Torri ‘l hawn u torri ‘l hemm
Ħa nkun ċar. M’għandi xejn kontra l-bini high rise. Anzi, nemmen li jekk magħmul b’għaqal u bi ħsieb għandu potenzjal kemm fuq livell ekonomiku kif ukoll fuq livell soċjoambjentali. Il-ħasra hi li donnu l-għaqal u l-ħsieb twarrbu fil-ġenb u kull konsiderazzjoni loġika mhix ikkunsidrata. Proġetti ta’ din in-natura għandhom impatt mhux biss fuq id-dehra tal-post iżda anke fuq l-infrastuttura tal-post u r-residenti tal-madwar. Possibbli l-Gvern mhuwiex jara li pajjiżna nieżel niżla li minnha ma nitilgħu qatt? Possibbli l-Gvern mhuwiex jinduna li l-politika tiegħu qiegħda twassal għal qerda ambjentali fuq skala li pajjiżna qatt ma ra bħalha?

U xi tanker biex iżejjen il-bajja hux?
Sa fl-aħħar nafu b’ċerta ċertezza li t-tanker tal-gass ġej, u sa xahar, xahrejn oħra jkun ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Naturalment, s’issa, b’tanker li se jkun mimli gass, fi triqtu lejn Malta sabiex ikun sorġut b’mod permanenti f’Marsaxlokk, l-awtoritajiet donnhom ftit li xejn ħassew il-ħtieġa li jsiru l-istudji kollha. Ċertament li proġett ta’ skala hekk delikata u li jista’ jkollu konsegwenzi hekk serji jixraq li dwaru jkunu mwieġba l-mistoqsijiet kollha, sal-inqas waħda. Hekk jagħmel min hu responsabbli u mhux moħħu fix-xenxilli u jipprova jniedi proġetti li bħala motiv għandhom biss li jservu ta’ maskra għall-oġġettività.

U xi mistoqsija mhux imwieġba ma tonqosx!
Kull min isegwi l-politika Ingliża żgur li huwa familjari mal-Prime Minister’s Questions kull nhar ta’ Erbgħa fil-House of Commons. Prim Ministru Ingliż wara ieħor ma beżgħu qatt mill-mistoqsijiet li spiss ikunu diretti ħafna u forsi anke f’xi okkażjonijiet provokanti f’sens politiku. Iżda f’Malta d-demokrazija Laburista taħdem b’mod differenti.

Mhux talli l-Prim Ministru qiegħed jevita xi mistoqsija, talli qiegħed jevita l-kunċett ta’ Prime Minister’s Questions għalkollox billi uża l-maġġoranza parlamentari biex iwaqqa’ proposta f’dan is-sens min-naħa tal-PN.

Ċertament wieħed ma jistax ma jitħassibx dwar ir-raġuni wara dan kollu. Għaliex demokrazija moderna għandu jkollha biża’ minn siegħa ċans fl-ogħla istituzzjoni demokratika għal mistoqsijiet lil min qiegħed imexxi l-Gvern tal-pajjiż?

Bejn visa u kikkra kafè
U naturalment ma jonqsux l-iskandli. Wieħed wara ieħor, daqqa f’xi għotja, daqqa xi każ ta’ allegat tixħim, daqqa xi dubju ‘l hawn u daqqa xi dubju ‘l hemm. Tassew li ma’ dan il-Gvern it is never a dull day. Tassew ukoll sfortunatament li ma’ dan il-Gvern qiegħda tirrenja l-mentalità ta’ ‘U iva… Mhux xorta?’.

X’ħasra!