Internazzjonali

Xjenzat nukleari Iranjan jingħata l-mewt għal tradiment

Il-Gvern fundamentalista Iranjan ikkonferma li xjenzat Iranjan li pprovda lill-Istati Uniti b’informazzjoni dwar il-programm nukleari tal-Iran ingħata l-forka ‘talli tradixxa lil pajjiżu’.

Kelliema għall-ġudikatura f’Tehran qalu li x-xjenzat, Shahram Amiri, ħallas b’ħajtu ‘wara li għadda tagħrif kruċjali lill-għadu’. L-aħbar dwar l-esekuzzjoni ħarġet ladarba omm ix-xjenzat sostniet li hi rċeviet il-katavru ta’ binha ‘li kellu l-marki tal-ħabel ma’ għonqu’.

Amiri kien għeb fl-Arabja Sawdija fl-2009 u reġa’ feġġ, sena wara, fl-Istati Uniti, fejn sostna li kien spiċċa maħtuf u interrogat minn aġenti tas-CIA; is-servizzi sigrieti Amerikani. Hu maż-żmien, irritorna l-Iran fejn kien ingħata sentenza ta’ ħabs twila.

Filwaqt li x-xjenzat Iranjan sostna li kien spiċċa ‘taħt pressjoni psikoloġika kbira biex jiżvela informazzjoni sensittiva’, uffiċjali Amerikani wieġbu li hu ‘għażel li jaħrab minn pajjiżu’, bil-konsegwenza li, maż-żmien, ‘ipprovdielhom ħafna tagħrif siewi’.