Joseph Muscat qed ikompli jinsulenta l-intelliġenza tan-nies, speċjalment dawk tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, meta jqabbel it-tanker tal-gass wara bieb id-djar ma’ vapuri tal-merkanzija li jġibu x-xogħol lejn pajjiżna, qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija mix-Shadow Minister Marthese Portelli.
Il-Partit Nazzjonalista spjega li d-differenza hija waħda bażika: filwaqt li t-tanker tal-gass b’volum ta’ miljuni ta’ ċilindri tal-gass se jkun ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk b’mod permanenti, u għall-Maltin ifisser biss periklu; vapur tal-merkanzija li jidħol fil-Freeport jdum Malta ftit tas-siegħat biss u jġib lejn Malta ammont ta’ xogħol li jwassal biex il-ħaddiema Maltin ikollhom aktar xogħol u pagi aħjar.
L-istqarrija tkompli li l-verità hi li Malta m’għandiex bżonn Power Station ġdida, u magħha tanker tal-gass ankrat ftit metri biss ‘il bogħod minn fejn jgħixu eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin. Bil-Power Station li għamel Gvern Nazzjonalista fl-2012 u bl-interconnector li jgħaqqdna mal-kumplament tal-Ewropa, l-poplu Malti u Għawdxi għandu biżżejjed enerġija bi prezzijiet li huma baxxi.
Huwa ċar li bejn is-sigurtà tal-familji Maltin u l-interessi personali tiegħu, ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi, Joseph Muscat qed jagħżel l-interessi personali tiegħu, sostna l-Partit Nazzjonalista.
It-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk hu biss monument tal-korruzzjoni u vendikazzjoni mal-familji u n-negozji ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>