Lokali

Appell lil Helena Dalli biex tiddizassoċja ruħha minn kummenti favur id-diskriminazzjoni ta’ Ronnie Pellegrini.

Il-fergħa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista responsabbli mis-solidarjetà tal-ħaddiema ppreżentat ittra lill-Ministeru tad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili mmexxi minn Helena Dalli.

Ittra li fiha l-SĦPN jilmenta mill-kummenti taċ-Chief of Staff tal-istess ministeru, Ronnie Pellegrini, li fihom japprova l-akkużi ta’ diskriminazzjoni fir-Residenza San Vinċenz De Paule.

Dawn l-akkużi saru mill-eks Direttur tal-istess residenza, Dennis Tanti, li qal li fir-residenza ssir diskriminazzjoni politika bejn il-ħaddiema, inkluż f’każi li jkun hemm bżonn tittieħed dixxiplina.

Pellegrini, il-magħżul politikament minn Helena Dalli u li allura għandu l-fiduċja tagħha, qal li hekk gaħandu jkun, li ssir preferenza mal-Laburisti.

“Dan il-kumment mhux wieħed xieraq għal xi ħadd li jokkupa kariga f’Ministeru responsabbli mill-ugwaljanza, li wieħed mill-għanijiet tiegħu hu li jassigura li f’pajjiżna ma jkunx hawn diskriminazzjoni,” jingħad fl-ittra ffirmata minn Ivan Castillo, President tal-SĦPN.

F’konferenza tal-aħbarijiet qabel ingħatat din l-ittra fil-Minsiteru, Ivan Castillo qal li l-poplu Malti u Għawdxi ma jistħoqqlux diskriminazzjoni kif qed jinstiga Ronnie Pellegrini, iżda jistħoqqlu rikonoxximent, b’mod partikolari l-ħaddiema tar-residenza San Vinċenz de paul li jaħdmu b’tant dedikazzjoni fl-interess tal-anzjani.

Fid-dawl ta’ dan l-SĦPN saħaq li l-pożizzjoni ta’ Ronnie Pellegrini bħala Chief of Staff tal-Ministeru m’għadiex tenibbli, u dan għandu jaffaċċja passi għall-kummenti li għadda u jitneħħa mill-kariga tiegħu.

Jekk dan ma jseħħx, minħabba li Ronnie Pellegrini hu maħtur f’din il-kariga fuq bażi ta’ fiduċja mill-Ministru Helena Dalli stess, allura jkun ifisser li l-istess ministru tkun naqset milli tiddiżassoċja u tikkundanna l-kummenti magħmula

“Fin-nuqqas ta’ dan, ikolli nemmen li l-politika tiegħek hi wkoll waħda li temmen fid-diskriminazzjoni fost il-ħaddiema, xi ħaġa li ma tixraq lill-ebda pajjiż demokratiku, wisq iktar Malta,” ttemm tgħid l-ittra ndirizzata lill-Ministru Helena Dalli.